Anzjani jistgħu jibbenefikaw minn roħs fuq servizzi tal-internet

0
1398
Minister for Senior Citizens and Active Ageing Michael Farrugia presides over the signing of an agreement through which senior citizens will benefit from discount on internet services when using Kartanzjan Ministry for Senior Citizens and Active Ageing, Zone 3, Commerce Street, Mrieħel

Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kumpanija GO, anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u li jgħixu fil-komunità, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti ġodda fuq servizzi tal-internet meta jużaw il-Kartanzjan.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, li ppreseda l-iffirmar, qal li hemm madwar 120,000 anzjan li jistgħu jibbenefikaw minn dan ir-roħs.

Huwa qal li l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li anzjani jiġu mħeġġa jużaw metodi differenti ta’ teknoloġija biex jikkomunikaw u jżommu ruħhom attivi fil-komunità.

Permezz ta’ dan il-ftehim, anzjani li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Maltija se jkollhom tnaqqis, li jvarja bejn is-17% u 22%, fil-prezz tal-internet.

Iċ-Chief Commercial Officer tal-kumpanija GO Antonio Ivankovic spjega li anzjani jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fuq il-prezz fuq Home Internet u TV package li jinkludi aktar minn 10,000 siegħa ta’ films u series għal prezz imraħħas ta’ €30 fix-xahar minn €35.99. Anzjani li jixtiequ jibbenefikaw minn offerti fuq internet barra mid-dar jistgħu jagħżlu l-Mobile Internet Service fejn se jkollhom tnaqqis fil-prezz minn €24.99 għal €19.99 fix-xahar (għall-anzjani li m’għandhomx il-Home Pack Community), filwaqt dawk l-anzjani li għandhom il-Home Pack se jkollhom tnaqqis fil-prezz minn €22.99 għal €17.99 fix-xahar. 

Il-Ministru Michael Farrugia fakkar fl-iskema tal-Kartanzjan fejn anzjani li għandhom iżjed minn 60 sena jistgħu jibbenefikaw minn numru ta’ skontijiet minn ħwienet differenti madwar Malta u Għawdex. Fil-preżent, 60 kumpanija u 114 negozju jagħmlu parti minn din l-iskema tal-Kartanzjan.

Il-ministru qal ukoll li l-espressjoni ta’ interess għadha miftuħa għan-negozji, intrapriżi u kumpaniji li huma interessati biex ikunu parti minn din l-iskema.

Kull min huwa interessat jista’ jwassal il-proposta tiegħu fuq [email protected] jew iċempel fuq 2278 8800 għal aktar informazzjoni. Anzjani li jixtiequ jaraw l-offerti u skontijiet tal-iskema Kartanzjan jistgħu jaċċessaw is-sit www.activeageing.gov.mt.