Wednesday, April 17, 2024

IS-SNAJJA U L-FUTUR

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna dwar kif jeħtiġilna niżguraw li l-iżvilupp ta’ Malta jkun imfassal b’mod li jagħmlu lest biex jilqa’ u jassorbi l-isfidi tal-futur. Hi ħaġa tajba li dil-ħaġa tinżamm bħala priorità. Irridu noqgħodu attenti biex nagħtu kull appoġġ lit-trawwim ta’ dak l-għerf u dawk is-snajja meħtieġa biex inħaddmu t-teknoloġiji tal-futur, mhux l-anqas id-diġitali.

Biss dan m’għandux ifisser li nħallu jitilqu s-snajja li diġà għandna u kellna, forsi aktar tradizzjonali, imma li għadhom bżonnjużi ħafna. Huma s-snajja ta’ kif tipproduċi oġġetti tal-injam, ħadid, plastikk u materjali oħra – ta’ kif tmantnihom u kif issewwihom, għall-użu tal-konsumaturi, tal-ħwienet u tal-fabriki, fl-inġinerija, fis-servizzi elettriċi, fl-għamara…

Jista’ jkun għandi żball imma jidhirli li m’aħniex inqisu biżżejjed li se jkollna fil-futur bżonn ukoll ta’ dawn is-snajja. Jeħtieġ li waqt li nibqgħu ngħallmuhom, nimmodernizzawhom u nsostnu l-popolarità tagħhom. 

Fattur importanti fil-mod kif majnaw kien l-għeluq tat-tarzna ta’ Malta, fuklar ta’ ħafna snajja meħtieġa li b’xorta ħażina qed jitħallew jitmermru. 

***

MILL-2013?

L-argumenti f’Malta dwar id-deċiżjoni tal-FATF biex tpoġġina fuq il-lista “griża” tagħha qed jieħdu ton komiku, speċjalment min-naħa ta’ dawk attivi fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-imħatri bl-internet. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, waqt li jinsistu kif bil-ħidma ta’ “kulħadd” nistgħu mmorru lura lejn qagħda fejn tal-FATF jitbissmulna, dawn poġġew l-aqwa ħtija għal li ġara fuq x’iżviluppa mis-sena 2013 sal-lum.

Issa, li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tgħid hekk b’wiċċha minn quddiem, nifhimha. Imma mhux dawk li suppost jinsabu fil-qalba ta’ kif jaħdmu dawn l-oqsma, fuq quddiem nett l-għaqda tal-“employers”.

M’hemmx dubju li l-ġrajjiet xejn sbieħ li nqalgħu fl-aħħar snin ma għenux. Poġġew dawl jaħraq fuq pajjiżna.

Imma li tippretendi li ma kien hemm xejn aktar minn hekk, meta kien hemm ħafna u ħafna, barra milli hi pożizzjoni komika, iqanqal tħassib.

Il-lezzjoni għadha ma tgħallmitx. L-aqwa li tista’ twaħħal biss f’ħadd ieħor!

***

TALJANI U INGLIŻI

Ġurnalist barrani saqsieni: L-Italja u l-Ingilterra għad baqagħlhom daqstant influwenza politika fost il-Maltin?

Ried jirreferi għall-bnadar taż-żewġ pajjiżi li ra fit-toroq u l-ħerqa ta’ bosta nies għat-tim tal-futboll ta’ pajjiż jew ieħor.

Fissirtlu kif skont studjużi tal-antropoloġija fi spjega li taw snin ilu u li għadha tgħodd, il-Maltin jiddelelettaw bil-kompetizzjoni bejn tnejn: fl-irħula u l-ibliet, bil-baned u l-qaddisin tal-festa; fil-politika bejn żewġ partiti; u fil-futboll, peress li m’għandhomx tim tagħhom nazzjonali li jasal sal-aħħar, bejn l-Italja u l-Ingilterra.

Ma ngħidx li skanta b’li għedtlu imma impressjona ruħu. Jidher li tħobbu tikkustinjaw, qal. 

  Ipprovajt indawwar id-diskors.

Ekonomija

Sport