Saturday, May 18, 2024

ARA: €75 miljun f’investiment dirett li mistenni joħloq 1,000 impjieg ġdid

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul it-12-il xahar li għaddew, il-Malta Enterprise approvat b’€75 miljun fi proġetti ġodda, dawk ta’ investiment dirett barrani u lokali. Dawn il-proġetti se jiġġeneraw fuq it-tliet snin li ġejjin madwar 1,000 impjieg ġdid. Karrieri maħluqa fi professjonijiet u oqsma varji fosthom xjentisti, coders, speċjalisti fl-intelliġenza artifiċjali u ħaddiema b’ħiliet biex jaħdmu fil-manifattura u startups fost oħrajn.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli waqt żjara li għamlet fuq is-sit f’Ħal Far fejn Torrent Pharma qiegħda tibni faċilità ġdida li se sservi ta’ ċentru Ewropew tal-Loġistika u l-Kontroll tal-Kwalità għall-prodotti farmaċewtiċi li jidħlu fis-swieq regolati.

YouTube video

Ix-xogħol fuq dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €22 miljun miexi ġmielu u fi ftit xhur biss, Torrent Pharma Malta lestiet ‘il fuq minn 30% tax-xogħol ippjanat fuq dan is-sit. Din il-faċilità tal-farmaċewtika se tkun qiegħda tinvesti wkoll fl-effiċjenza u s-sostenibbiltà b’mod partikolari fl-użu sostenibbli tal-enerġija u l-ilma.

Il-Ministru Dalli qalet li dawn huma t-tip ta’ investimenti li dan il-Gvern qed jaħdem fuqhom biex jattira lejn pajjiżna u l-kwalità ta’ ambjent imprenditorjali li qed joħolqu biex l-intrapriżi f’pajjiżna jkomplu jinvestu u jespandu.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ME Kurt Farrugia nnota kif il-livell ta’ effiċjenza fil-qasam tal-farmaċewtika huwa wieħed għoli ħafna tant li l-prodotti kollha li se joħorġu minn dan is-sit se jkun qed imorru biex jipprovdu mediċina fid-dinja kollha.

Huwa qal li wara s-suċċess ta’ din l-ewwel fażi, “qed nittamaw għal diskussjoni li twassal għal espansjoni anke għal Torrent bħala Group of Companies fejn qed jiġu kkunsidrati mediċini oħra tal-onkoloġija u possibilment l-użu ta’ Malta għal produzzjoni u attività loġistika oħra fejn pajjiżna qed jilgħab rwol globali fl-esportazzjoni lejn reġjuni oħra apparti l-Ewropa.”

Farrugia tenna li minbarra l-investiment, il-ME se tkun qiegħda tiffoka fuq l-aspetti ambjentali u s-sostenibbiltà, u l-ħidma li dan il-kumpaniji li qed jiġu attirati lejn Malta mhux biss ikunu qed jgħinu lill-ekonomija u aktar impjiegi imma jagħmlu bidliet u jaraw li l-operat tagħhom ikollu effett pożittiv fis-soċjetà.

Sport