Friday, May 3, 2024

ARA: “Ħsibt li kien xi inċident fit-triq, ħarist lura u nara kollox nieżel … spiċċajna barra”

Waħda mir-residenti fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri f'San Pawl il-Baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din mhix xi ħaġa li bdiet issa u ddispjaċuti ferm li hemm barra ħarġet informazzjoni żbaljata. Kollox beda ’l fuq minn tliet snin ilu meta waqt xogħol ta’ kostruzzjoni f’sit li kellu jiġi żviluppat maġenbna ċeda xi blat għal għand il-ġar tan-naħa l-oħra tas-sit u bdew bil-proċeduri bil-Qorti”. Bdiet biex tiddikjara dan Aliceson Mifsud f’kummenti lil talk.mt wara li lbieraħ ċediet parti minn Triq ix-Xagħra tal-Bandieri f’San Pawl il-Baħar u affettwat numru ta’ residenti.

YouTube video
Filmat: ALAN SALIBA

Mifsud hija waħda mis-sidien affetwati u f’kummenti lil dan is-sit spjegatilna dwar is-sitwazzjoni. 

Qalitilna li jinsabu ddispjaċuti ferm li minħabba tlajjar biex tittieħed azzjoni serja li toffrilhom sigurtà spiċċa seħħ dan l-inċident, li għalkemm ġiet evitata traġedja, numru ta’ familji jinsabu barra minn djarhom bla saqaf fuq rashom. 

Rigward il-bidu ta’ dan l-inċident, hija qalitilna li tiftakar qisu lbieraħ meta madwar tliet snin ilu kienet fil-kċina meta semgħet ħoss qawwi bħal donnu xi terremot meta maġenbhom kien qiegħed isir xi xogħol ta’ tħaffir darba s-Sibt filgħodu. Spjegatilna dwar il-konsegwenzi għal saħħithom dak iż-żmien fejn anke psikoloġikament kellha tgħaddi minn perjodu ta’ kura minħabba l-biża’ ta’ xi inċidenti oħrajn simili li kienu seħħew f’dak iż-żmien.

Spjegatilna kif xi familji dak iż-żmien kienu spiċċaw bla saqaf wara sensiela ta’ inċidenti fi Gwardamangia, l-Imsida, il-Mellieħa u saħansitra fil-Ħamrun fejn sfortunatament tilfet ħajjitha Miriam Pace. Minn hemm komplew bi proċeduri ta’ periti u jistennew minn żmien għal żmien li tittieħed deċiżjoni sakemm ilbieraħ, madwar tliet snin u xahrejn mill-ewwel inċident kellha tassisti mill-ġdid għal esperjenza qarsa oħra.

“Kont fuq il-bejt qiegħda nonxor meta smajt ħoss qawwi qisu xi karozza qiegħda tkaxkar xi karozzi oħrajn magħha fin-naħa l-oħra tat-triq. Madanakollu t-triq kienet normali u kif ħarist wara nara kollox nieżel f’forma ta’ sħaba bajda tat-trab … esperjenza xejn sabiħa”, spjegat tgħidilna.

Il-lejl qattugħ barra minn djarhom, jittamaw li jingħataw direzzjoni dwar x’se jiġri sakemm fl-aħħar iddeċidew li jmorru joqgħdu għand it-tifla f’post b’żewġ kmamar tas-sodda, iżda tal-inqas ikollhom saqaf. Oħrajn li ma kellhomx post alternattiv kellhom joqogħdu barra jew fil-karozza. 

Dan is-sit staqsa lil Mifsud dwar jekk fl-aħħar ħin ingħatawx direzzjoni ta’ x’se jkun qiegħed jiġri fl-ljieli li jmiss sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet, il-mara qalbha maqsumha qalitilna li sfortunatament b’rabja u diqa s’issa għad m’għandhomx xi forma ta’ direzzjoni ċara dwar il-futur tagħhom. 

Sport