Sunday, December 22, 2024

ARA: “L-industrija tal-gaming f’Malta qed tkompli tevolvi”

L-imprenditriċi Dr Sara Al Madani

Aqra wkoll

“Bqajt tassew impressjonata bl-organizzazzjoni ta’ SiGMA Malta 2023. Dan kollu jindika li l-industrija tal-gaming f’Malta, li nistgħu nqisuha bħala l-mekka tal-Ewropa qed tkompli tevolvi u dan jawgura tajjeb għall-futur.” Dawn kienu l-ewwel kummenti li għaddiet lil dan is-sit f’intervista esklussiva, Dr Sara Al Madani, ‘social infuencer’ u intraprenditriċi internazzjonali magħrufa mad-dinja kollha, anke għar-rwol tagħha fir-reality show ‘The Real Housewives of Dubai’. Hija kompliet tgħid li l-industrija tal-gaming, il-block chain u l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) qed ikomplu jiżviluppaw u jikbru tul il-medda tas-snin, fosthom f’Malta. 

Fl-istejjer li ttella’ b’mod regolari fuq il-mezzi soċjali speċjalment fuq Instagram, Al Adani, titkellem ħafna fuq ‘women empowerment’ u kien proprju għalhekk li dan is-sit talab il-fehmiet tagħha rigward dan. Hija saħqet li ma taqbilx mat-terminu ‘women empowerment’ hekk kif saqsiet għaliex ma nużawx ukoll it-terminu ‘men empowerment’. Hija sostniet li tħoss li n-nisa huma b’saħħithom u kapaċi f’kollox daqs l-irġiel u jiddependi biss min-nisa li jemmnu iktar fihom infuhsom.

Rigward il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Iżrael, hija sostniet li hija tassew ħasra li qed jintilfu tant ħajjiet ta’ innoċenti speċjalment tfal u l-vjolenża qatt ma hija ġustifikata. Hija appellat għall-paċi.

Sara titkellem ħafna wkoll fuq il-fejqan ħolistiku fejn qalet li huwa tassew fundamentali li l-bniedem iħossu fil-kontroll sħiħ tiegħu nnifsu u bil-paċi f’qalbu, għax huwa minn hemmhekk biss li jista’ tabilħaqq jesperjenza l-fejqan ħolistiku fosthom dak fiżiku, emozzjonali u spiritwali.

Rigward il-futur tagħha, hija saħqet li ma tantx tħobb titkellem fuq il-futur u lanqas dwar il-passat, iżda tippreferi tesperjenza l-mument preżenti.

Fl-aħħar messaġġ tagħha lill-qarrejja kollha ta’ dan il-ġurnal hija qalet: “Kun int innifsek … tagħtix kas x’jgħid u x’jaħseb ħaddieħor dwarek. Esperjenza l-ħajja bl-aqwa mod possibbli, għax tabilħaqq il-ħajja hija sabiħa!”.

Ekonomija

Sport