Monday, May 6, 2024

ARA: Malti tal-Awstralja jwettaq ħolma ta’ tfal Ukreni billi jġibhom vaganza f’Malta

… tfal li tilfu lil missierhom waqt li dawn kienu qed jiġġieldu għal pajjiżhom

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Hekk kif bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, ta’ sikwit konna nisimgħu l-aħbarijiet u nżommu ruħna aġġornati dwar x’qed jiġri fiż-żewġ pajjiżi. Wieħed seta’ jinnota li kien hemm bosta li batew, kemm mil-lat psikoloġiku u kif ukoll mil-lat ta’ saħħa, inkluż adoloxxenti u tfal żgħar. Kien għalhekk li ddeċidejt li ma stajtx nibqa’ nisma n-negattività biss, iżda ridt nagħmel xi ħaġa biex inferraħ lil dawn it-tfal.”

Sostna dan Tony Trevisan, meta lbieraħ laqa’ fl-ajruport 14-il tifel u tifla Ukreni li ġew Malta għal vaganza, liema vaganza għamel tajjeb għaliha hu stess fuq inizjattiva personali tiegħu.

Huwa rrimarka ma’ Talk.mt li kienet ix-xewqa tiegħu li jwettaq din l-opra ta’ karità minn mindu faqqgħet il-gwerra. Qal ukoll li darba minnhom qara xi ħaġa dwar l-effett psikoloġiku li din il-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi qed tħalli.

Trevisan, li huwa Malti iżda jgħix l-Awstralja, qal li hekk kif beda jaħdem id f’id mal-Fondazzjoni Sabora bbażata fl-Ukrajna, irnexxielu jġib lil dawn it-tfal għal vaganza li mistennija ddum madwar 16-il ġurnata.

Huwa spjegalna li dawn it-tfal kienu tilfu lill-għażiż missierhom li kienu qed jiġġieldu għal pajjiżhom. Żewġt itfal minn dawn tilfu liż-żewġ ġenituri tagħhom.
Tony innifsu faħħar lill-imsemmija fondazzjoni li tagħti għajnuna kbira fl-Ukrajna. L-istess fondazzjoni ilha mis-sena l-oħra tipprovdi appoġġ lill-familji li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom fil-gwerra, jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid u jipprovdu kull għajnuna sabiex isibu reżiljenza.

L-istess fondazzjoni toffri pagamenti finanzjarji ta’ kull xahar lill-familji ta’ suldati li jkunu tilfu ħajjithom jew li weġġgħu serjament. Dan ikompluh sakemm it-tfal tagħhom jagħlqu l-21 sena. Il-fondazzjoni Sabora għandha tim iddedikat li jipprovi appoġġ psikoloġiku u emozzjonali .

Huma jagħmlu ċert li l-familji jkollhom il-gwida u l-kura li għandhom bżonn biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet li qegħidn iħossu fis-sitwazzjoni li jkunu għaddejjin minnha.

Huma jemmnu ukoll fil-qawwa tal-edukazzjoni u l-għarfien biex il-futur ikun wieħed aħjar u sigur. Permezz ta’ diversi inizjattivi, jinvolvu lit-tfal u lill-familji f’attivitajiet edukattivi, iqajjmuu kuxjenza dwar kwistjonijiet importanti u jrawwmu u jħaddnu valuri vera sbieħ.

Sport