Friday, May 3, 2024

ARA: Raġel imut fl-inħawi ta’ Ras ir-Reqqa f’Marsalforn f’Għawdex

Aqra wkoll

Ir-raġel li għall-ħabta tas-2.30pm sab ruħu f’diffikultajiet f’Ras ir-Reqqa fil-limiti ta’ Marsalforn ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara li ddaħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Minkejja kull tentattiv mit-tim mediku hu xorta ma rnexxilux isalva. Kelliem għall-pulizija filwaqt li kkonferma l-mewt tiegħu qalilna li r-raġel hu ta’ nazzjonalità Awstrijakka u għandu madwar 60 sena.

Jidher li s’issa kollox qed jindika li r-raġel miet mewta naturali waqt li kien miexi flimkien ma’ xi qraba fuq il-blat li hemm fl-inħawi.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Bridget Sultana.

Il-Pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw dan il-każ.

Aktar kmieni: Raġel f’diffikultà f’Ras ir-Reqqa f’Għawdex

Awstrijakk sab ruħu f’diffikulta waqt li kien qiegħed ma’ żewġ persuni oħrajn f’Ras ir-Reqqa f’Marsalforn.

It-talba għal għajnuna li daħlet għall-ħabta tas-2.30pm kienet li kien hemm għaddas li kien f’diffikulta, iżda hekk kif wasal tim mediku fuq il-post irriżulta li ma kienx il-każ li kien hemm għaddas fil-periklu. Minħabba li l-post fejn kien il-midrub kien diffiċli biex jintlaħaq mit-tim mediku kellhom jissejħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu.

S’issa mhux magħruf xi ġralu eżatt ir-raġel, u għalhekk il-pulizija qegħdin jinvestigaw il-każ.

Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.

Aktar informazzjoni kif taslilna….

Sport