“Erbaħt midalja tad-deheb u ħadd ma semma xejn. Għandna talent u għax l-isport huwa żgħir f’pajjiżna ma jiġix rikonoxxut. Fl-aħħar mill-aħħar ma qalux atleta Kersten imma l atleta di Malta”. Iddikjara dan l-atleta tal-armwrestling Malti Kersten Mercieca filwaqt li esprima d-delużjoni tiegħu għall-fatt li minħabba li l-isport li jipprattika huwa żgħir f’pajjiżna, intqal li mhux possibbli li jkun hawn federazzjoni f’pajjiżna.
L-atleta Malti kompla biex jgħid li huwa għandu bżonn li jissieħeb f’federazzjoni biex huwa jkun jista’ jikkompeti barra minn Malta.
“Il Federazione Italiana Braccio di Ferro S.B.F.I, barranin li erbaħtilhom lil nieshom iriduni ningħaqad magħhom biex jgħinuni nikkompeti barra. Hawn Malta jekk ma tkunx fil-Eurovision, futboler jew xi ħaġa kbira, ħadd mhu se jkun jaf bik”, kompla Kersten.
Huwa stqarr dwar id-diżappunt tiegħu li pajjiżu qiegħed jagħlaqlu l-bibien filwaqt li l-Italja, qegħdin joffrulu l-opportunità li jirrealizza l-ħolma tiegħu. Huwa madanakollu qal li hemm xi ħaġa li qiegħda ttaqqallu ħsiebu u din hija proprju dik li meta jikkompeti mhuwiex se jkun qiegħed itella’ l-bandiera Maltija, iżda dik Taljana.