Wednesday, April 17, 2024

Assistenza offruta minn Malta Enterprise u l-EWA qed tgħin iżjed kumpaniji jinvestu f’metodi sostenibbli

Aqra wkoll

Skemi offruti mil-Malta Enterprise u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) qed jappoġġjaw aktar kumpaniji biex jinvestu f’operat sostenibbli.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli enfasizzat il-benefiċċji tas-sapport li qed jagħti l-Gvern lin-negozji waqt żjara ġewwa l-lukanda Paradise Bay, waħda minn ħafna kumpaniji li qed jibbenefikaw minn dawn l-iskemi biex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija u l-ilma, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet.

Permezz tal-iskemi Investment Aid for Energy Efficiency Projects u Smart and Sustainable Scheme, f’sena waħda, Malta Enterprise ħarġet madwar nofs miljun ewro f’assistenza.

Fl-istess waqt, l-EWA qed tikkontribwixxi billi toffri energy audits lill-kumpaniji, sabiex tiggwidahom dwar kif jistgħu joperaw b’mod iżjed effiċjenti. Il-Ministru Dalli laqat l-inizjattivi sostenibbli li qed isiru minn negozji Maltin f’setturi varji, inkluż dak tal-ospitalità.

“Bla dubju s-settur tal-ospitalità huwa fost l-aktar setturi li ntlaqtu matul il-pandemija. Permezz tal-Wage Supplement, l-estensjoni tagħha u l-appoġġ li ngħata fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma, il-Gvern kompla jgħin lil dawn il-kumpaniji jimxu ‘l quddiem. Fl-istess waqt, ħabbarna miżuri biex inħeġġu l-investiment f’operat sostenibbli sabiex isiru iżjed effiċjenti u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-lukanda Paradise Bay investiet €200,000 f’soluzzjonijiet ta’ smart solar energy sabiex tipproduċi l-misħun li tuża fl-operat tagħha, bil-produzzjoni ta’ 11,000 litru t’ilma sanitarju bħala ħażna tal-enerġija. Dan is-solar plant se jikontribwixxi sa kważi 70% tal-enerġija li għandha bżonn il-lukanda, fejn se tkun qed tiffranka madwar €60,000 fi spejjez tal-enerġija fis-sena, tant li fi żmien tlett snin u nofs se tkun qed tkopru l-ispiża ta’ dan l- investiment. B’dan il-proġett, Paradise Bay qed tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha b’220 tunellata fis-sena.

Il-kumpanija investiet ukoll f’installazzjoni tat-trattament tad-drenaġġ bħala miżura ta’ immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ trattament u rkupru ta’ greywater, il-kumpanija qed tara li tirkupra 100% tal-ilma li tuża, bi gwadann fuq l-investiment għoli, li se jkopri l-ispiża tal-istess proġett fi tnax-il xahar.

“Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-komunità tan-negozji qed tagħti importanza l-effiċjenza fl-enerġija u s-sostenibbiltà. Għalhekk aħna kburin li qed nassistu lil dawn il-kumpaniji u li s-sostenibbiltà qed tkun ta’ prijorità għalihom fl-operat tagħhom,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Hekk kif issemma fil-Baġit 2023, Malta Enterprise se tkun qed tirdoppja l-assistenza finanzjarja provduta taħt l- iskema Smart and Sustainable Investment Grant. Din l-għotja se tkun qed tkopri 50% tal-ispejjeż eliġibbli sa massimu ta’ €100,000. Minn naħa l-oħra, t-tax credits applikabbli għal dawn l-investimenti se jirdoppjaw minn €20,000 sa massimu ta’ €40,000.

Minn naħa tiegħu, il-General Manager tal-Lukanda Paradise Bay Quentin Grima laqa’ l-assistenza minn naħa tal- Gvern u qal li din ħeġġet lill-kumpanija biex tkompli tinvesti fl-effiċjenza tal-enerġija. “It-tibdiliet li qed nimplimentaw mhumiex biss miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż, iżda qed jgħinuna nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju,” qal is-Sur Grima.

Waqt iż-żjara, il-Ministru kienet akkompanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, is-CPO tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Charles Buttigieg, il-General Manager tal-Lukanda Quentin Grima u l-Kap Eżekuttiv ta’ RecoWatt John Ciantar.

Kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru għall-Enerġija nieda kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni favur l-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur privat “Be Efficient. Save Energy!”. B’din l-inizjattiva, il-Gvern qed jikkollabora ma disa’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi f’pajjiżna biex iħeġġu lin-negozji jaddottaw prattiċi u teknoloġiji li jżidu l-effiċjenza tal-enerġija fl-operat tagħhom.

Ekonomija

Sport