Thursday, May 2, 2024

Atletika: Riżultati mħallta waqt il-Kampjonat tal-Balkani u l-Logħob tal-EYOF

Aqra wkoll

L-atleti Maltin kellhom prestazzjoni mħallta fil-Kampjonat tal-Balkani fi Kraljevo fis-Serbja u l-Logħob tal-EYOF f’Maribor, Slovenja.

Fi tmiem staġun twil u impenjattiv, l-atleti Maltin fil-Kampjonat tal-Balkani kkompetew ma’ atleti b’saħħithom mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluż minn nazzjonijiet sportivament b’saħħithom bħall-Ukrajna, il-Bulgarija, il-Kroazja u naturalment il-pajjiż ospitanti, is-Serbja.

Luke Micallef temm staġun ferm b’saħħtu għalih bi prestazzjoni qalbiena fuq il-5000m, fejn temm fil-ħames post bl-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 14:38.66. Simon Spiteri daħal fis-seba’ post b’15:18.70. Micallef kien lura fuq it-trakka inqas minn 24 siegħa wara fit-3000m steeplechase b’ħin tajjeb ħafna 9:13.0. Spiteri klassifika fir-raba’ post fit-3000m b’ħin ta’ 8:44.46.

Janet Richard ikkompetiet fuq l-400m meta temmet fil-ħames post b’53.92s. Parteċipazzjoni sfortunata għal Lisa Bezzina li soffriet injury iżda temmet l-5000m f’18:58.06. Sana Grillo, l-unika atleta fil-field f’dan l-avveniment, qabżet 3.40m fil-pole vault.

Dawn l-atleti kienu akkumpanjati mill-kowċ Zeljko Aras.

Fil-Lvant tal-Ewropa wkoll, atleti żgħażagħ Maltin kienu f’Maribor għall-European Youth Summer Olympic Festival. Din is-sena, ix-xorti ma daħqitx għal Matthew Galea Soler, li s-sena l-oħra kiseb l-ewwel midalja qatt mirbuħa minn Malta f’dan il-festival, meta l-ewwel safa eliminat mill-finali għal 0.1 ta’ sekonda fuq l-400m li huwa ġera f’48.67s. Wara, huwa sofra hamstring strain waqt il-heat tal-200m li wasslet għall-eliminazzjoni tiegħu.

Aħbar pożittiva minn Isaac Bonnici li kiseb rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena fit-800m, b’ħin ta’ 1.57’27 filwaqt li Jeremy Cassar qabeż 6.14m fil-long jump.

L-impenn internazzjonali li jmiss għall-Maltin se jara kontinġent żgħir ta’ atleti jieħdu sehem fil-Kampjonati Ewropej Under 20 f’Iżrael fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu.

Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin f’dawn l-avvenimenti hija appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.

Sport