Wednesday, April 24, 2024

Attakkata wara mewtha minħabba li “għexet ħajja ta’ dnub”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għadd ta’ fanatiċi reliġjużi u persuni konservattivi l-Pakistan b’tgħajjir u kliem iebes fuq il-midja soċjali fil-konfront tal-mudella Zara Abid 

Mudella prominenti Pakistana, li huwa maħsub li tilfet ħajjitha fl-inċident tal-ajru li seħħ il-ġimgħa li għaddiet ġewwa l-Pakistan, ġiet attakka online fejn bosta akkużawha li “għexet ħajja immorali”. Il-kontijiet soċjali ta’ Zara Abid kellhom jiġu mwaqqfa wara li kienu ħafna dawk li kitbu kummenti ta’ kritika kemm minħabba l-ħwejjeġ u anke l-istil ta’ ħajja li kienet tgħix.

Hekk kif ġriet l-aħbar li hija kienet abbord it-titjira li ġġarrfet, mijiet ta’ kummenti bdew jidhru fuq il-midja soċjali speċjalment fuq kontijiet ta’ fanatiċi reliġjużi fejn bdew iqajmu mistoqsijiet dwar il-fidi tagħha. Ħafna saħansitra qalu li hija se tkun ikkastigata fil-ħajja ta’ dejjem għall-mod kif għexet. Fuq il-midja bdew jittellgħu ritratti ta’ Zara liebsa ħwejjeġ tal-moda, li bosta kkunsidrawhom bħala “li jiżvelaw ħafna” u li huma “tad-dnub”. 

Il-mudella ta’ 28 sena, kienet abbord it-titjira ta’ PIA li ġġarrfet f’parti residenzjali tal-kapitali Karachi nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Il-vittmi ta’ dan l-inċident għadhom mhux magħrufa iżda l-awtoritajiet qalu li kienu biss żewġt irġiel li salvaw. Rapporti inizjali kienu qed jgħidu li Abid salvat f’dan l-inċident, iżda ftit wara ħuha kien talab lin-nies biex jieqfu jxerrdu aħbarijiet foloz. 

Wara dan l-inċident il-kontijiet tagħha ta’ Instagram, Twitter u anke Facebook tneħħew u s’issa għadu mhux ċert jekk dawn tneħħewx mill-kumpaniji ta’ dawn is-siti soċjali jew inkella mhux mill-qraba jew ħabib tagħha. 

Is-soċjetà tal-Pakistan hija waħda konservattiva fejn in-nisa huma mistennija li jkunu modesti. Dawk li jgawdu ċertu fama ħafna drabi jispiċċaw taħt il-lenti morali tal-utenti tal-midja soċjali. 

Zara Abid ħadmet mal-ikbar kumpaniji u ditti tal-moda ġewwa l-Pakistan, u f’Jannar li għadda hija kienet rebħet il-premju bħala l-aqwa mudella. Għadd ta’ ditti tal-ħwejjeġ kellhom kliem ta’ tifħir għall-istil u l-professjonalità ta’ Abid. Hija kienet mistennija li tiddebutta bħala attriċi aktar tard din is- sena. 

Sport