Thursday, May 16, 2024

Aung San Suu Kyi kkundannata seba’ snin ħabs oħra

Aqra wkoll

Il-Qorti Militari tal-Myanmar ikkundannat lil Aung San Suu Kyi għal seba’ snin ħabs oħra, biex b’hekk se jkollha sservi b’kollox 33 sena priġunerija.

L-eks mexxejja eletta demokratikament tal-pajjiż ilha taħt arrest f’darha minn meta l-militar keċċa lill-gvern tagħha permezz ta’ kolp ta’ stat fi Frar tal-2021.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn hija ffaċċjat 18-il xahar ta’ ġurijiet fuq xejn inqas minn 19-il akkuża. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti talbet għall-ħelsien tagħha.

Iktar kmieni llum hija ġiet ikkundannata fuq l-aħħar ħames akkużi li ffaċċjat. Il-Qorti sabitha ħatja ta’ korruzzjoni għax ma kinitx segwiet ir-regolamenti fil-kiri ta’ ħelikopter għall-Ministru tal-Gvern.

Hija kienet diġà nstabet ħatja ta’ 14-il reat differenti inkluż il-ksur tar-regoli tas-sigurtà pubblika marbuta mal-Covid-19, l-importazzjoni ta’ walkie-talkies u ksur tal-att tas-sigirieti uffiċjali.

Il-ġurijiet tagħha din is-sena saru bil-bibien magħluqa fejn il-pubbliku u l-midja kienu pprojbiti milli jidħlu jsegwu l-proċess. L-avukati tagħha ma setgħux lanqas jitkellmu mal-ġurnalisti. Hija ċaħdet l-akkużi kollha miġjuba kontriha.

Sport