Wednesday, April 24, 2024

“Austin kien bniedem sempliċi li apprezza n-natura u ħabb bla qies l-annimali”

Tingħata l-aħħar tislima lil Austin Borg

Aqra wkoll

Għadd ta’ persuni nġabru fil-Knisja tal-Madonna tad-Duluri fil-Ħamrun biex jagħtu l-aħħar tislima lil Austin Borg.

Il-qassis, Kanonku Timon Mercieca ddeskriva lil Austin bħala l-bniedem li apprezza ferm in-natura u esprima fil-qofol tiegħu l-imħabba lejn l-annimali. Fakkar l-imħabba speċjali ta’ Austin għall-klieb u qtates li fiż-żmien ġieli kellu mat-80 jgħixu miegħu. Mercieca qal li Austin kien bniedem sempliċi ta’ integrità u raġel tajjeb kif jaf jgħix hu.

Fost dawk preżenti għall-aħħar tislima ta’ Austin kien hemm membri tal-AFU  tat-Taqsima tal-Korpi Dixxiplinati fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU). Austin kien suldat pajżan u preżenti kien hemm uffiċjali mill-Forzi Armati ta’ Malta fosthom il-Brigadier Jeffrey Curmi.

Austin jibqa’ mfakkar għall-qalb tajba tiegħu u l-imħabba li kellu lejn l-annimali. Huwa kien spjega dwar id-deċiżjoni li jgħix mingħajr elettriku biex ikun jista’ żomm mat-80 kelb u qattus fl-aħjar kundizzjoni possibbli. “Kuntent għax qed jgħixu miegħi nagħtihom dak kollu li jixtiequ”. Kien iddikjara dan Austin Borg filwaqt li kien esprima ħsieb li kien qiegħed itaqqlu mhux ftit. Kien inkwetat biss minn x’se jiġri minn dawk l-annimali ladarba jiġi nieqes hu.

Fortunatament The Island Sanctuary Malta serrħitlu rasu qabel ħa l-aħħar nifsijiet tiegħu hekk kif ħadu f’idejhom l-aħħar tlett iklieb li kien baqagħlu.

Sport