Thursday, November 5, 2026
Home Opinjoni Baħar li jgħaqqad, mhux li jifred

Baħar li jgħaqqad, mhux li jifred

Aktar rotot, aktar vjaġġi u aktar konnettività: il-baħar bħala parti mis-soluzzjoni għat-traffiku f’Malta.

0
59

Minn Andre Buhagiar

Malta hija gżira. Għandna baħar madwarna, portijiet u lokalitajiet kostali li jistgħu jkunu konnessi b’mod aktar effiċjenti. Għalhekk, wieħed għandu jistaqsi: għaliex għal tant snin it-trasport bil-baħar ma ngħatax l-importanza li tassew jixraqlu bħala parti mis-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku f’pajjiżna?

It-traffiku sar waħda mill-akbar sfidi ta’ kuljum għall-familji, għall-ħaddiema u għall-istudenti. Kull inizjattiva li tista’ toffri alternattiva għall-karozza privata għandha tiġi kkunsidrata bis-serjetà. F’dan il-kuntest, it-trasport pubbliku bil-baħar m’għandux jibqa’ jitqies bħala servizz sekondarju, iżda bħala element importanti minn sistema moderna ta’ mobilità.

F’dawn l-aħħar snin rajna passi konkreti f’din id-direzzjoni. Is-servizzi li jgħaqqdu l-Belt Valletta ma’ Tas-Sliema u mal-Kottonera diġà wrew kemm il-baħar jista’ jservi bħala mezz prattiku ta’ transport iżda pass importanti ieħor kien it-tisħiħ tal-konnessjoni lejn it-Tramuntana ta’ Malta permezz tas-servizz Fast Ferry li jgħaqqad Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex.

Is-servizz li jinkludi l-konnessjoni ma’ Buġibba huwa eżempju ta’ kif nistgħu nkomplu nwessgħu l-għażliet ta’ trasport marittimu għaċ-ċittadini. Dan juri li l-baħar jista’ jintuża mhux biss għal vjaġġi lejn Għawdex jew bejn il-portijiet ewlenin, iżda wkoll biex jinħolqu konnessjonijiet ġodda bejn lokalitajiet differenti f’Malta.

Ta’ min jirrikonoxxi l-ħidma u d-direzzjoni li qed jagħti l-Ministru Chris Bonett f’dan il-qasam. Il-viżjoni tiegħu mhijiex sempliċiment li jiżdiedu aktar rotot tal-ferry, iżda li jinbena mudell ta’ trasport integrat fejn il-baħar, il-karozzi tal-linja u mezzi oħra jaħdmu flimkien. Din hija direzzjoni importanti għal pajjiż li jeħtieġ soluzzjonijiet konkreti u fit-tul għall-mobilità. Dawn l-inizjattivi kollha jagħmlu parti minn viżjoni usa’ magħrufa bħala Malta in Motion, li għandha l-għan li tittrasforma l-mod kif nimxu u nivvjaġġaw f’pajjiżna. Mhijiex sempliċiment kwistjoni ta’ rotot ġodda jew aktar vjaġġi, iżda strateġija li tħares lejn il-mobilità b’mod ħolistiku, fejn it-trasport pubbliku fuq l-art u dak marittimu jaħdmu flimkien. Taħt it-tmexxija tal-Ministru Chris Bonett, qed tingħata direzzjoni aktar ċara lejn sistema li toffri aktar għażliet, aktar effiċjenza u konnettività aħjar għaċ-ċittadini. Il-baħar huwa parti integrali minn din il-viżjoni u mhux sempliċiment alternattiva iżolata.

Inizjattiva oħra importanti hija dik ippjanata għal Marsaskala, fejn qed jitħejjew il-passi biex ikun jista’ jiġi introdott servizz Fast Ferry li jgħaqqad lil Wied il-Għajn mal-Belt Valletta. Din il-konnessjoni tista’ toffri għażla oħra lir-residenti u lil dawk li jaħdmu fil-Belt, filwaqt li tnaqqas id-dipendenza fuq it-trasport bit-triq. Għal komunità bħal Marsaskala, konnessjoni marittima bħal din tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum.

Aspett li jistħoqqlu attenzjoni partikolari huwa ż-żieda fil-frekwenza tas-servizzi. Mhux biżżejjed li niftħu rotot ġodda jekk il-passiġġier ikollu jistenna perjodi twal biex ikun jista’ jivvjaġġa. It-trasport pubbliku għandu jkun affidabbli, frekwenti u joffri alternattiva reali għall-karozza privata.

F’dan ir-rigward, huwa pożittiv li l-Ministru Chris Bonett ħabbar ukoll titjib konkret fl-iskedi tas-servizzi marittimi. L-iskeda l-ġdida tax-xitwa, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2026, tinkludi vjaġġi addizzjonali sabiex is-servizz ikun jista’ jwieġeb aħjar għad-domanda tal-passiġġieri. B’mod partikolari, qed jiżdiedu tliet vjaġġi għal kull servizz tal-ferries fil-portijiet, filwaqt li s-servizzi tal-Fast Ferry qed jibbenefikaw minn żewġ vjaġġi addizzjonali għal kull servizz.

Din hija deċiżjoni li turi li meta jkun hemm domanda, ir-risposta għandha tkun aktar servizz u mhux aktar stennija. Hija wkoll indikazzjoni li t-trasport bil-baħar qed jingħata importanza dejjem akbar bħala parti mill-għażliet ta’ mobilità f’pajjiżna.

Naturalment, kull proġett għandu jsir bi ppjanar serju, konsultazzjoni mar-residenti u rispett lejn l-ambjent marittimu. L-iżvilupp m’għandux isir għad-detriment tal-komunitajiet kostali, iżda għandu jkun ibbażat fuq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tat-trasport, il-kwalità tal-ħajja u l-ħarsien tal-ambjent.

Fl-aħħar mill-aħħar, irridu nibdew naħsbu f’Malta b’mod differenti. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-baħar bħala spazju li jifridna, meta fil-verità jista’ jkun wieħed mill-aqwa mezzi li jgħaqqadna. Il-viżjoni għandha tkun waħda ċara: aktar konnettività, aktar għażliet għaċ-ċittadini, aktar frekwenza u inqas dipendenza fuq il-karozza privata.

Malta hija gżira u wasal iż-żmien li l-baħar ma jkunx biss parti mill-identità tagħna, iżda wkoll parti mis-soluzzjoni għall-futur tat-trasport pubbliku tagħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here