Hekk kif aktar tard se tkun qiegħda ssir protesta oħra mill-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-Isptarijiet, aktar kmieni dalgħodu feġġew banners li ħafna qegħdin jinterpretaw bħala botta diretta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Dawn l-istess banners qegħdin jirringrazzjaw lill-eks Kap tal-Partit Adrian Delia li kien hu li fetaħ il-kawża dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Il-banners fil-fatt ma jsemmu mkien lil Grech b’turija li anke l-istess partitarji tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jinjorawh f’din il-kawża.
Fil-protesta tal-lum Bernard Grech se jerġa’ jirrepeti li l-gvern irid jiftaħ kawża biex jiġbor lura €400 miljun mingħand Steward u se jgħid li l-gvern għandu jiftaħ kawża, b’dan tal-aħħar diġà ddikjara li l-Oppożizzjoni qiegħda tigdeb u ma tagħmilx sens il-verżjoni li Steward m’għamlu kompletament xejn.
Aktar kmieni din il-ġimgħa fil-parlament id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega dwar din it-talba tal-Oppożizzjoni biex iftaħ kawża u ċċara li l-gvern Malti diġà għamel il-każ tiegħu f’arbitraġġ internazzjonali fejn qed jagħmel talbiet fl-interess ta’ Malta.