Wara 55 sena bħala stat indipendenti, il-gżira tal-Karibew, Barbados neħħa uffiċjalment lir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra minn kap ta’ stat u ddikjara ruħu repubblika. B’hekk il-Barbados huwa l-iktar repubblika ġdida fid-dinja.
F’ċerimonja li saret matul il-lejl fil-kapitali, Bridgetown, Dame Sandra Mason inħatret bħala l-ewwel president tar-repubblika.
L-era l-ġdida għall-Barbados ittemm is-sekli ta’ influwenza tar-Renju Unit, inklużi aktar minn 200 sena meta l-gżira kienet ċentru għall-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi.
Biex tfisser il-bidla uffiċjali tal-poter, sar salut finali fil-monarkija Brittanika u l-bandiera tal-Istandard Irjali tbaxxa u ġiet sostitwita b’dik tal-pajjiż.
Waqt li kien qed jitkellem bħala l-mistieden tal-unur f’dan l-avveniment, il-Prinċep ta’ Wales filwaqt li rrikonoxxa l-“atroċità terribbli tal-iskjavitù” li sofriet il-gżira tal-Karibew, tenna r-rabtiet kontinwi bejn iż-żewġ nazzjonijiet minkejja l-bidla fl-istatus kostituzzjonali.
Fid-diskors tiegħu huwa ddeskriva l-mument bħala bidu ġdid qabel ma ngħata l-Ordni prestiġjuża tal-Libertà tal-Barbados mill-president il-ġdid.
Ir-Reġina Eliżabetta II bagħtet lill-pajjiż l-awguri tagħha għal serenita, paċi u prosperità fil-futur u qalet li Barbados għandu “post speċjali” f’qalbha.