Sunday, May 5, 2024

Beda x-xogħol fuq il-lift li jwasslek għall-ferry landing ta’ Marsamxett

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u l-Kap Eżekuttiv tal-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) Gino Cauchi żaru x-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin f’Marsamxett fil-Belt Valletta.

Bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta l-GHRC, bl-għajnuna ta’ fondi lokali u dawk Ewropej, se tkun qed toħloq aċċess permezz ta’ lift fil-Bastjun ta’ San Salvatore f’Marsamxett. Dan il-lift, li huwa wkoll wegħda elettorali, se jiffaċilita l-aċċess għall-ferry landing f’Marsamxett,

Peress li l-lanċa bejn tas-Sliema u l-Belt Valletta tidħol fil-parti t’isfel ta’ din iż-żona, dan il-proġett se jkompli jiffaċilita l-aċċessibbiltà kemm għall-ħaddiema li jaħdmu fiż-żewġ lokalitajiet kif ukoll għat-turisti li jżuru pajjiżna u jużaw dan is-servizz. Dan il-proġett mhux biss se joħloq aċċess aħjar, iżda wkoll se jnaqqas aktar vetturi milli jinżlu fiż-żona tal-ferry landing, filwaqt li se jgħin ukoll fl-aspett ekonomiku ta’ Marsamxett. Is-sena li għaddiet kien hemm total t’aktar minn 680,000 passiġġier li użaw dan is-servizz.

Dan il-proġett huwa maqsum fuq tliet fażijiet. L-ewwel waħda dik li bdiet ftit tal-ġimgħat ilu fejn tikkonsisti fl-iskavar tax-xaft ta’ dan il-lift. Dan l-iskavar qiegħed isir kollu bl-idejn taħt is-sorveljanza kontinwa tal-arkeoloġi. Din l-ewwel fażi huwa stmat li se tiswa €700,000 fi flus allokati minn fondi Ewropej.

Biex ma tiġix kompromessa s-saħħa tas-sur innifsu, qed jinħadmu sistemi ta’ concrete belts biex iservu ta’ tisħiħ għas-swar. Hekk kif dan il-proċess jilħaq il-livell tal-blat, jiġi aċċessat wieħed mix-xelters li kienu tħaffru biex iservi ta’ dħul u ħruġ għal dan il-lift. Huwa ppjanat li dan il-proċess jieħu sal-aħħar kwart tas-sena biex jitlesta.

It-tieni fażi se tkun l-istruttura nnifisha tal-lift filwaqt li t-tielet fażi hija dik tal-finishings li tikkonsisti wkoll f’xogħlijiet fiż-żona ta’ biswit is-xelters. Dawn iż-żewġ fażijiet se jitlestew is-sena d-dieħla u ser jitħallsu minn fondi lokali.

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif permezz ta’ dan il-proġett mhux biss se tkompli ddur ir-rota ekonomika hekk kif aktar nies se jitħajru jagħmlu użu mis-servizz, imma wkoll se jkompli jagħmel it-traġitt bejn il-Belt Valletta u tas-Sliema wieħed aktar aċċessibbli.

“Dan il-proġett se jwassal sabiex dan is-servizz li qiegħed itejjeb il-mobbilità bejn tas-Sliema u l-Belt Kapitali jkompli jkun wieħed aħjar, iżda fuq kollox wieħed li jkun aċċessibbli għal kulħadd mingħajr ikonvenjenti żejda,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett mhux biss se jiffaċilita l-aċċessibbiltà iżda se jikkumplimenta wkoll l-interventi l-oħra li jiffukaw fuq it-tiġdid tas-siti kulturali u l-preservazzjoni tal-assi storiċi fiż-żona tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta.

“Il-lift huwa parti minn proġett li jiffoka fuq il-ġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, b’valur ta’ €24 miljun, biex fost oħrajn jitjieb l-iżvilupp sostenibbli u fl-istess ħin itejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti lill-komunità lokali,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Sport