Begtash Muka, Albaniż ta’ 35 residenti Tas-Sliema ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li kien kompliċi f’attakk fuq raġel f’Buġibba.
Hu kien mixli li fl-20 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu kien kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma, li kien kompliċi, li kiser il-paċi pubblika u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti fl-2020.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kienet bdiet tinvestiga lil Muka wara li kien sar rapport ta’ ġlieda f’kafetterija fejn il-vittma kien qed jieħu kafè ma’ ħbieb tiegħu u spiċċa attakkat minn tlett irġiel, fosthom l-akkużat, u spiċċa sofra ġrieħi gravi.
Il-vittma kien xehed fil-qorti li kif fuq il-post waslet karozza, minnha ħarġu tliett irġiel u wieħed minnhom staqsih għaliex kien qed iħares lejh.
Kompla jixhed li huwa qallu li ma jifhimx bl-Ingliż u ftit wara ħareġ raġel ieħor mis-seat ta’ wara u beżaqlu. Meta beżaqlu lura t-tlett irġiel bdew isawtuh u jagħtuh bis-sieq. Wieħed minnhom anke tah daqqa ta’ qasrija. Il-ħabib tal-vittma wkoll xehed fejn ikkonferma l-verżjoni ta’ kif sieħbu ġie attakkat waqt li xehdu wkoll diversi pulizija involuti fil-każ.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia ġiet ippreżentata wkoll l-istqarrija li l-akkużat kien ta lill-Pulizija fejn kien allega li kien ra lill-vittma jħares lejh u meta staqsieh għaliex qed iħares lejh dan qam u pprova jattakka lilu u lit-tnejn l-oħra li kienu miegħu waqt li insista li kien qed jiddefendi lilu nnifsu.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma kinitx qed temmen il-verżjoni tal-imputat u anke rrimarkat li mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà fit-triq fejn seħħ l-inċident rriżulta li l-akkużat beda jħebb għall-vittma wara li dan beda jiġi aggredit miż-żewġt irġiel li kienu miegħu.
Kien għalhekk li waqt li ma sabitx lil Muka ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma sabitu ħati tal-akkużi l-oħra miġjubin fil-konfront tiegħu.
Minbarra l-ħames snin ħabs ordnat li jerġa’ jiġi arrestat, jitlef il-€5,000 depożitu li bihom inħeles mill-arrest fuq każ ieħor, iħallas €1,220 fi spejjeż tal-Qorti u ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex tipproteġi lill-vittma.

