“Kien ilu biss miżżewweġ sitt xhur”… telaq minn pajjiżu biex jgħajjex lill-familja tiegħu fl-Indja

Il-komunità Musulmana f’Malta sellem il-memorja ta’ Mohammed

Aqra wkoll

Ftit tal-ħin wara li Mohammed Abdul Jawad ġie dentifikat bħala l-vittma fl-inċident tat-traffiku li seħħ nhar it-Tlieta fi Triq Tal-Ħandaq, f’Ħal Qormi, mill-ewwel bdew jinkitbu diversi messaġġi minn ħbieb tiegħu Musulmani u Indjani li kienu jafuh.

Rapport fil-midja indikaw li l-vittma kien ilu miżżewwġ sitt xhur u kien għamel it-tieġ tiegħu f’pajjiżna.

Intant wieħed mill-persuni li kiteb fuq il-midja soċjal qal li Mohammed Abdul Jawad kien telaq pajjiżu biex jiġi jaħdem f’Malta biex ikun jista’ jgħix hu u jibgħat il-flus biex il-familja tiegħu tgħix aħjar fl-Indja. 

“Kien ‘il bogħod minn pajjiżu, iżda qalbu dejjem baqgħet hemm l-Indja ħaġa waħda ma’ dawk l-aktar li ħabb f’ħajtu,” kiteb ħabib tal-vittma fuq il-midja soċjali.

L-istess ħabib ikompli jikteb li “s-sagrifiċċju li għamel Mohammed Abdul Jawad biex jgħix ħajja aħjar ifakkarna f’ħafna u ħafna immigranti ħaddiema li qegħdin jaħdmu f’Malta ħafna drabi jaħdmu f’riskji kbar u dan biex jgħixu ħajja aħjar kemm huma u anke l-familjari tagħhom.”

Intant nhar it-Tlieta l-pulizija fi stqarrija qalu li mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel kien qed isuq trakk tal-għamla Toyota Toyace, li kien involut f’ħabta ma’ vettura DAF CF85, misjuq minn raġel 39 sena residenti Ħal Tarxien.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, flimkien ma’ tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol wettqu l-investigazzjonijiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport