Sunday, November 24, 2024

Bernard Grech jammetti li huwa tajjeb li Gvern jidhol fi ftehim mal-privat

Aqra wkoll

F’kollegament telefoniku l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ammetta li huwa tajjeb li Gvern jagħmel ftehim mal-privat għax fil-passat huma stess kienu għamluha u għamluha “għal servizz aħjar.” Dan b’referenza għall-aħbar li Gvern Laburista ħareġ tender biex jibda joffri lill-poplu servizz ta’ emerġenza fil-privat bil-għan li jilqa’ għall-bżonnijiet preżenti tagħna. Dan bi prova kemm il-poplu u f’dan il-każ, il-pazjent, huwa fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern preżenti.

Filwaqt li Grech ukoll ammetta li Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela qiegħed jagħmel dan il-pass biex jipprovdi l-aktar servizzi essenzjali, xorta attakka li dan sar għax ma kienx hemm ippjanar u “spiċċaw inqalgħu l-kriżijiet tant li kellu jara x’jagħmel ta’ malajr”.

Hawnhekk, minflok l-Kap tal-PN apprezza li l-Gvern irid servizz eċċellenti u fil-ħin għal min ikollu bżonnu, insista li din l-urġenza ġiet minħabba l-effett tal-mudell ekonomiku preżenti. Għal darb’oħra attakka l-barranin li għandna f’pajjiżna u ma naqasx li jippreżenta dak li għalih se tkun is-soluzzjoni għall-pajjiżna.

Fil-fatt Grech reġa’ ntefa’ fuq ir-retorika li l-PN għandu viżjoni ekonomika ġdida li fiha se jsir ukoll investiment fil-qasam tas-saħħa. Filwaqt li saħaq li jekk jitla’ fil-Gvern huma lesti li jieħdu deċiżjonijiet importanti, l-investimenti li wiegħed barra dak fl-infrastruttura u l-magni, Grech semma’ l-pagi tal-ħaddiema, sptarijiet ġodda, appart ġdid u mill-aktar modern, kif ukoll “se ninvestu fil-pazjent biex ikollu l-mediċini kollha u l-aqwa. Dan għax int tħallas il-flus mit-taxxi tiegħek, mela inti għandek id-dritt għall-aqwa servizz u fil-ħin”.

Hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni dar jattakka lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u miegħu għal darb’oħra lill-Prim Ministru Robert Abela fejn saħaq li kull spiża li ssir, dawn huma finalment responsabbli għaliha.

Fi tmiem l-intervent tiegħu Bernard Grech tkellem dwar l-attivitajiet li se jittellgħu fix-xahar ta’ Settembru għall-okkażjoni tas-60 anniversarju tal-Indipendenza. Ma naqasx hawn ukoll li jitlob lin-nies jingħaqdu miegħu f’dawn l-attivitajiet biex jispjegalhom aħjar il-viżjoni tal-PN f’mass meeting li se jsir tlett ijiem qabel il-festa. Dan b’tir ta’ propaganda għal kif huwa stess ippreċiża li din l-attività se ssir, “aħna u resqin lejn elezzjoni ġenerali”.

Sport