Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem b’konvinzjoni biex jibqa’ magħqud fuq it-tewmmin tiegħu u jasal joffri lil Malta gvern li jagħti valur lis-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha u ġusta. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt laqgħa politika f’Ħal Tarxien filwaqt li tenna l-konvinżjoni tiegħu li bis-soluzzjonijiet tiegħu, il-Partit jirritorna biex ikun wieħed b’saħħtu u glorjuż biex s-soċjetà Maltija terġa’ tkun ġusta u sigura għall-poplu Malti.
Min qiegħed jgħid li l-Oppożizzjoni qiegħda tippolitiċizza t-traġedji qiegħed jagħmel dan dan biex jipprova ma jħallinhiex nitkellmu dwar il-pjagi li qegħdin jagħsru lis-soċjetà Maltija. Grech kompla biex jgħid li bħal donnu s-soċjetà Maltija saret titnessa ċertu inċidenti minħabba li qegħdin ngħixu f’realtà ta’ affarijiet kontinwi li jseħħu. Huwa fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu, JeanPaul Sofia tilef ħajtu f’binja li ġġarfet qisha pakkett tal-karti. Grech saħaq li dawn l-imwiet mhumiex imwiet b’kumbinazzjoni u li dan huwa gvern li waqqa’ l-istandards u l-valur tal-bini, tal-familja, tas-solidarjetà, li tgħix ħajja ta’ kwalità, moħħok mistrieħ u seren.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li gvern Laburista nnormalizza l-użu tad-droga f’pajjiżna billi daħħal liġi. Kompla biex jgħid li l-partit immexxi minnu kien wissa’ dwar problemi li kienu se jkomplu jkissru l-fibra tas-soċjetà u li minkejja li kien hemm min iddeskrivih bħala antikwat, il-Partit Nazzjonalista kien tkellem dwar il-ħsara tan-normalizzazzjoni ta’ liġi bħal dik.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hawn ġenituri, nanniet u persuni li qegħdin jiċċaħħdu biex jgħixu lil ħaddieħor filwaqt li l-gvern minflok qiegħed jara kif jista’ jgħin, qiegħed iwaħħal f’ħaddieħor, inkluż fil-gvern Nazzjonalista. Huwa qal li l-gvern mhu qiegħed jagħmel xejn biex itaffi l-piżijiet. Mhux biss huwa qal li l-gvern ħabbar budget ieħor mingħajr taxxi sakemm ftit tal-ġimgħat wara bdew deħlin modi ġodda ta’ kif il-gvern jintaxxa dejjem iktar.
Dwar l-istandard tal-ħajja, Grech qal li partit Nazzjonalista dejjem ħaddan politika ta’ wens, iżda issa għandna gvern li kisser il-kwalità tal-ħajja billi skontu jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna. Għal darba oħra huwa reġà tenna li bl-emenda proposta, Robert Abela se jkun qiegħed idaħħal l-abort. Dan minkejja li fid-diskors tiegħu fiż-Żejtun mill-ġdid saħaq li din hija emenda intiża biss biex tipproteġi lin-nisa u lit-tobba f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar emenda fil-liġi tal-Istandards u reġa’ attakka lil Robert Abela u qal li dan irid jibqa’ jippersisti sakemm tgħaddi tiegħu.