Sunday, November 3, 2024

Bħal-lum 10 snin Spanja rebħu t-tieni Kampjonat Ewropew fi spazju ta’ erba’ snin

Aqra wkoll

Fis-sensiela ta’ finali Mondjali u Ewropej din hija l-iktar waħda riċenti li saret minnhom kollha meta kien eżatt bħal-lum 10 snin, li Spanja rebħu l-14-il edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew.

Il-partita ntlagħbet fl-Olympic Stadium ta’ Kiev, fl-Ukrajna, fl-1 ta’ Lulju, 2012, u kienet kontestata minn Spanja u l-Italja li fiha l-Ispanjoli ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0.

It-tournament ta’ 16-il team beda bil-fażi tal-gruppi, li minnhom tmien timijiet ikkwalifikaw għall-fażi tan-knockout. Fi triqithom lejn il-finali, Spanja spiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp C, meta magħhom kellhom lill-Italja, il-Kroazja u l-Irlanda.

Il-finali saret quddiem 63,170 partitarju u kienet irreffjata minn Pedro Proenca tal-Portugall. Spanja marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta, meta Andres Iniesta lagħab through ball lejn Cesc Fabregas, li ġera lejn il-linja wara Giorgio Chiellini qabel ma ġibed cross lura għal David Silva li bir-ras skorja mill-viċin.

L-Italja wieġbu b’xuttijiet ta’ Antonio Cassano li ġew salvati mill- goalkeeper Spanjol, Iker Casillas, iżda Spanja rduppjaw qabel il-mistrieħ, meta Xavi għeleb lil Gianluigi Buffon bejn il-lasti Taljani.

Meta kien fadal 15-il minuta Fernando Torres ħa post Fabregas, u skorja t-tielet goal fl-84 minuta, biex sar l-ewwel player li skorja f’żewġ finali tal-Kampjonat Ewropew.

Torres imbagħad ħa l-ballun u Juan Mata tefa’ f’lasti vojta għal skor finali ta’ 4–0. Il-Player tal-Logħba mill-esperti tal-UEFA ngħata lill-Ispanjol, Iniesta.

Għaldaqstant, Spanja, immexxija mill-bravu coach Vicente del Bosque, saru l-ewwel team li rebaħ żewġ Kampjonati Ewropej.

Spanja saru wkoll l-ewwel team li rebaħ żewġ Kampjonati Ewropej konsekuttivi, u l-ewwel team li rebaħ tliet tournaments maġġuri konsekuttivi – il-Euro 2008, it-Tazza tad-Dinja 2010 u l-Euro 2012.

Barra minn hekk il-marġni tar-reb­ħa kien l-ikbar wieħed fl-istorja tal-finali Ewropew, u r-raba’ darba li timijiet li lagħbu kontra xulxin fil-fażi tal-gruppi ffaċċjaw lil xulxin għal darb’oħra fil-finali (wara l-1988, 1996 u 2004).

Normalment, ir-rebbieħ tal- Kampjonat Ewropew jikseb id-dħul għat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, li ntlagħbet fil-Brażil fl-2013. Ma­dankollu, peress li Spanja diġa’ ikkwalifikaw bħala champions tat- Tazza tad-Dinja 2010, l-Italja kkwa­­lifikaw awtomatikament bħala r-rappreżentanti tal-UEFA, bir-rebħa tagħhom fis-semi-finali kontra l- Ġermanja, minkejja li tilfu fil-finali kontra Spanja.

KIF WASLU SAL-FINALI

Meta ż-żewġ timijiet kienu fl-is­tess grupp, huma ltaqgħu kontra xulxin fl-ewwel logħba li ntemmet fi draw ta’ 1-1 fejn kienu t-Taljani li fetħu l-iskor minn Antonio Di Natale.

Iżda ma laħqux għaddew tliet minuti li Spanja ma kisbux id-draw meta Cesc Fabregas għeleb lil Gian­luigi Buffon.

Fil-partita li jmiss Spanja lagħbu kontra l-Irlanda, fejn kien l-attakkant Fernando Torres li fetaħ l-iskor kmieni fir-raba’ minuta minn 10 metri bogħod.

Imbagħad fid-49 minuta, wara li Shay Given kien imblokka xutt ta’ Iniesta, David Silva ħa r-rebound u kabbar il-vantaġġ wara li għeleb   tliet difensuri.

U meta kien fadal 20 minuta, Torres skorja t-tieni goal tiegħu, u Fabregas skorja l-goal finali wara li rċieva corner ta’ Silva u spara minn angolu diffiċli.

L-aħħar partita tal-gruppi tagħ­hom kienet kontra l-Kroazja, li kienet aktar diffiċli, fejn il-Kroati kellha diversi ċansijiet ta’ skors, sakemm fit-88 minuta kien is-sostitut Jesus Navas li skorja il-goal rebbieħ.

Fil-kwarti-finali, Spanja lagħbu kontra Franza u għelbuhom 2-0 b’goal ta’ Xavi Alonso fl-ewwel taq­sima u penalty mill-istess player tard fil-partita.

Fis-semi-finali, Spanja ffaċċjaw lill-Portugall f’partita kompetittiva li kellha tidħol fil-ħin barrani u anke fl-għoti tal-penalties bit-team Spanjol jirbaħ bl-iskor ta’ 4-2.

Min-naħa tat-Taljani, wara draw 1-1 kontra Spanja huma rrepetew l-istess riżultat kontra l-Kroazja fejn l-ewwel kien Andrea Pirlo li poġġihom minn fuq fil-35 minuta waqt li Mario Mandzukic kiseb id-draw Kroat fit-72 minuta.

Fit-tielet logħba huma għelbu lill-Irlanda 2-0 b’goals minn Antonio Cassano (35) u Balotelli (90.

Fil-kwarti-finali l-Italja ġew draw 0-0 kontra l-Ingilterra anke wara li ngħata l-ħin barrani, iżda rebħu 4-2 bil-penalties.

Imbagħad fis-semi-finali l-Italja għelbu lill-Ġermanja 2-1 b’doppjetta ta’ Balotelli fl-ewwel taqsima bil-goal Ġermaniż jiskurjah Mesut Ozil fit-92 minuta minn penalty.

Kif lagħbu ż-żewġ timijiet:

Spanja: Iker Casillas (captain), Alvaro Arbeloa, Gerard Pique, Sergio Ramos, Jordi Alba, Sergio Busquets, Xavi Hernandez, Xabi Alonso, Cesc Fabregas (Fernando Torres 75), David Silva (Pedro 59), Andres Iniesta (Juan Mata 87) – Coach: Vicente del Bosque.

Italja: Gianluigi Buffon (captain), Ignazio Abate, Andrea Barzagli, Leonardo Bonucci, Giorgio Chiellini (Federico Balzaretti 21), Andrea Pirlo, Claudio Marchisio, Riccardo Montelivio (Thiago Motta 57), Da­niele De Rossi, Mario Balotelli, Antonio Cassano (Antonio Di Natale 46) – Coach: Cesare Prandelli.

Referee: Pedro Proenca (Portugall).

Sport