It-tibdil fir-regoli tal-liċenzja tal-bennej li tpoġġa għall-Konsultazzjoni Pubblika, qed jiddefinixxi x’ħiliet irid ikollha persuna biex taħdem bħala bennej f’Malta. Irridu t-taħriġ biex nassiguraw li kemm dawk li se japplikaw għal-liċenzja l-ewwel darba kif ukoll dawk li diġà kisbu l-liċenzja jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu aktar konxji tal-aqwa prattiċi fis-settur tal-bini.
Stqarr dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar din ir-riforma. Huwa stqarr li dan huwa pass ieħor minn sensiela ta’ riformi bil-għan li l-qasam tal-kostruzzjoni jkun regolat u titjieb il-kwalità fis-settur.
B’dawn ir-regoli qegħdin jikkumplimentaw ir-regolamenti l-ġodda li ġew introdotti minn dan il-Gvern, dwar l-obbligu tal-liċenzjar tal-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni. B’dan huwa l-ewwel Gvern li daħħal għall-ewwel darba l-liċenzja tal-kuntratturi li tpoġġi numru ta’ obbligi li ma kinux jeżistu qabel.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-bidla hija maħsuba biex jiġu ċċarati l-ħiliet u r-responsabbiltajiet ta’ min ikollu l-liċenzja ta’ bennej. Filwaqt li qegħdin ukoll noħolqu aktar mezzi ta’ infurzar għal meta bennej ma jaqdix id-doveri tiegħu ta’ bennej liċenzjat. Għalhekk, qegħdin inkomplu nassiguraw li f’kull livell ta’ dan is-settur ikun hemm responsabbiltajiet ċari u stabbiliti. Għaliex filwaqt li irridu nipproteġu l-ħaddiema rridu nkomplu ngħollu l-kwalità f’dan is-settur.
B’din ir-riforma se taħdem id f’id ma’ dik li rat l-introduzzjoni tal-Liċenzja tal-Kuntratturi hekk kif wieħed mir-rekwiżiti biex tinkiseb din il-liċenzja hija dik ta’ bennej.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li l-Abbozz ta’ Avviż Legali dwar ir-Regolamenti tal-Liċenzjar tal-Bennejja jinkludi l-kriterji li bihom wieħed jista’ jikseb il-liċenzja u hemm ukoll elenkati r-responsabbiltajiet li kull bennej liċenzjat irid iġorr fosthom li jkun preżenti fuq il-lant tax-xogħol. Se jkun ukoll introdott l-obbligu ta’ taħriġ għall-bennejja, kemm dawk li diġà huma liċenzjati meta jaslu biex iġeddu l-liċenzja tagħhom kif ukoll dawk li japplikaw għall-ewwel darba. Dan biex il-bennejja liċenzjati jibqgħu jiġu aġġornati mat-tibdiliet li jkunu qed iseħħu fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-BCA, Jesmond Muscat li spjega li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha kumitat apposta li jibda joħroġ dawn il-liċenzji. Kumitat li se jkun magħmul minn 5 membri, li 2 minnhom jridu jkunu Periti. Bil-funzjoni tiegħu tinkludi li filwaqt li joħroġ liċenzja għall-bennej, jimplimenta ukoll direttivi maħruġa mill-Bord tal-BCA, inkluż l-organizzazzjoni tal-eżami fit-teorija u l-prattika.