Sunday, May 5, 2024

Bidu tajjeb għal Luxol fl-Enemed Futsal League

Aqra wkoll

Luxol bdew l-impenji tagħhom fl-Enemed Futsal League bl-aqwa mod possibbli meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lill-Universita’ ta’ Malta 9-4 f’partita li huma dejjem kienu fil-kontroll.

Din kienet it-tieni darba li dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu fi spazju ta’ 15-il ġurnata wara li aktar qabel it-tim minn St Andrews rebħu s-Super Cup minn fuq l-istess avversarji Universitarji.

Luxol skorjaw il-gowls tagħhom b’mod kontinwu bil-captain Mark Zammit u Luke Gatt jiskorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Andy Mangion, Celino Alves, Matthew Attard, Robert Stoyanov u awtogowl ta’ Stefan Camilleri għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom.

L-Universitarji naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ doppjetta ta’ Dale Valletta, Aaron Montebello u Steven Camilleri.

F’partita ferm kumbattuta, Ta’ Xbiex Futsal għelbu lil Swieqi United 5-3.

Ta’ Xbiex litteralment ħarġu għall-avversarji tagħhom tant li sa tmiem l-ewwel taqsima huma kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 5-1.Fit-tieni taqsima, Swieqi ppruvaw iwettqu reazzjoni u skorjaw żewġ gowls iżda ftit setgħu jagħmlu biex ikomplu jinfdu lid-difiża avversarja.

L-eks tal-partita Karl Sciortino skorja tliet gowls bi Zvezdan Vukovic u Dylan Musu jgħaqqdu l-ħames gowls għat-tim tagħhom.

Ir-reazzjoni ta’ Swieqi waslet grazzi għall-gowls ta’ Ryan Muscat, Francisco Ferraro u Clyde Bonavia.

Marsaskala Futsal għelbu lit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena 3-1 f’logħba ferm interessanti.

L-Iskalin marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima u żiedu tnejn oħra fit-tieni 20 minuta sabiex kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat.

Bertram Azzopardi, Owen Duca u awtogowl ta’ Aaron Stagno skorjaw għal l-Iskalin biż-żgħażagħ Maltin jiskorjaw permezz ta’ Colin Sammut.

Żurrieq Futsal ixxalaw u għelbu lil Fgura United 9-0 f’logħba li huma ddominaw kompletament.

Dale Vella u Boycho Marev skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Gabriel Ghigo, Javier Montes Burgos, Daniel Muscat, Marinko Solarevic u George Douglas Saliba niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Finalment St George’s Futsal għelbu lit-tim debuttant ta’ Malta Veterans 5-0. Faisal Alnakou skorja doppjetta filwaqt li Karl Luke Schembri, Kurt Tabone u Herbert Spiteri żiedu aktar gowls għall-Bormliżi.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

Ta’ Xbiex, Żurrieq, Marsaskala 6, Luxol, Swieqi, St George’s 3, Malta Veterans, University of Malta, Fgura, Malta U19 0

Sport