Thursday, April 18, 2024

BIL-BIĊĊIET?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hu minnu li l-binja tal-Unjoni Ewropea bħala għaqda ta’ pajjiżi Ewropej żviluppat biċċa biċċa. Matul is-snin, aktar pajjiżi qablu li jċedu xi biċċa oħra mis-sovranità tagħhom biex tiġi eżerċitata b’mod komuni. Il-bidliet setgħu jiddaħħlu, jitħaddmu u jindraw gradwalment, mhux f’daqqa u f’salt.

Xorta ġieli nqalgħu każi fejn stat membru kkontesta xi pass li jkun qed jittieħed fid-direzzjoni ta’ għaqda akbar, u uħud baqgħu lura milli jimxu mal-oħrajn f’xi żvilupp jew ieħor.

Imma issa l-każ tal-Polonja daħħal fattur għal kollox ġdid. Għalkemm il-bidliet isiru kif isiru wara negozjati bejn l-istati membri, il-qafas li fihom isiru hu trattat li jirregola kif jistgħu jsiru.

Il-qorti kostituzzjonali Pollakka iġġudikat li elementi ewlenin ta’ dal-qafas jiksru l-kostituzzjoni Pollakka. Biss, jekk tneħħi lilhom, kollox jaqa’.

***

MEWTA TAJBA

Ili ma nismagħha imma ftit jiem ilu, erġajt: intqal dwar xi ħadd: Kellu/kellha mewta tajba. Eżattament xi tfisser din?

F’sens reliġjuż għal min hu reliġjuż, forsi wieħed jifhimha: kellu/kellha l-komfort tar-riti reliġjużi li j/temmen fihom u allura l-affarijiet komplew sal-aħħar bla wisq ansjetà u biża’, jew hekk wieħed jittama.

Imma għall-bqija?

Nista’ nifhem id-differenza bejn mewt li sakemm tasal għaliha jkollok tbati fiżikament ħafna u waħda li ma tkunx hekk. Fiż-żewġ każi, għal min ikun konxju, pressjoni morali u ta’ dwejjaq x’aktarx li jkun hemm. Qatt ma fhimt, sa minn meta kont żgħir, xi ħadd bħall-poeta Ingliż Robert Browning li kien kiteb kif jixtieq mewt mill-aktar iebsa u jagħtiha merħba minħabba dak li se jiġri wara!

Jew forsi mewta tajba għandha titqies waħda li minkejja l-biża’, it-tensjoni u anke l-uġigħ li ġġib magħha, tkun dinjituża?

***

WARA L-BAĠIT

Il-baġit intlaqa relattivament tajjeb. Veru kien hemm il-kritika li saret u qed issir mill-Oppożizzjoni. Hu x-xogħol naturali tagħha li tikkonċentra fuq dak li hemm vojt fit-tazza, mhux dak li hemm mimli.

It-tastieri kollha ekonomiċi u soċjali li kellhom jintmessu, intmessu. Problema li l-ebda ministru tal-finanzi ma jista’ jikkonturnaha hi li l-previżjonijiet bilfors se jkunu aktar imċajpra minn fis-snin ta’ qabel il-pandemija. Hi tat lok għal bidla kbira fiċ-ċirkostanzi li jinfirxu fuq ħafna setturi differenti u li jaffettwaw lil xulxin b’modi li mhux faċli tqis minn qabel. Mhijiex problema li se tevapora f’qasir żmien.

Naħseb li dan ikun ġudizzju validu dwar il-baġit Malti għas-sena 2022: il-baġit isostni l-impenji politiċi u soċjali dikjarati mill-gvern waqt li minkejja l-inċertezzi ekonomiċi, jipproponi miżuri ta’ rkupru u konsolidament li huma qawwija u fl-istess ħin prudenti.

Ekonomija

Sport