Birkirkara FC jinsabu f’taħditiet avvanzati biex jiksbu l-ewwel grawnd tagħhom 11-a-side. Dan ġie kkonfermat mill-president tal-klabb, Chris Cardona.
“Riċentement wasalna fi stadju fejn nistgħu nikkonkludu l-ftehim, biex b’hekk Birkirkara jkunu jistgħu, għall-ewwel darba, ikollhom post tagħhom fejn jitħarrġu,” qal Cardona waqt li kien qed jitkellem fuq programm televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali.
L-art tinsab ftit ’il barra minn Birkirkara, qrib iż-żona industrijali ta’ San Ġwann. Skont Cardona, għaddejjin diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti biex jiġi stabbilit liema permessi jistgħu jinħarġu u x’jista’ jiġi żviluppat fuq dan is-sit.
Il-klabb, li ilu snin sħaħ mingħajr infrastruttura proprja, qed jippjana li jibni grawnd għal logħob ta’ 11 kontra 11 flimkien ma’ spazju kummerċjali – proġett li Cardona ddeskriva bħala “investiment importanti għall-futur tal-klabb.”
Cardona stqarr li t-tmexxija tal-klabb tinsab f’diskussjonijiet avvanzati dwar dan il-proġett.
Huwa spjega li l-klabb qed jaħdem ma’ sid l-art, li huwa wkoll sostenitur ta’ Birkirkara FC, bil-għan li l-klabb ikollu post proprju fejn jitħarreġ u jiżviluppa lill-plejers tiegħu.




