Friday, April 26, 2024

Birkirkara tfakkar it-twaqqif tal-ewwel Kolleġġjata f’Malta

Jumejn ta' attivitajiet f'Birkirkara

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru Birkirkara tfakkar it-392 sena mit-twaqqif tal-ewwel Kolleġġjata fil-Gżejjer Maltin, eventwalment l-istess jum beda jitfakkar bħala Jum Birkirkara.

Sabiex tfakkar dan l-avveniment tant għal qalb il-Karkariżi, is-Soċjetà Dun Filippu Borgia ser tkun qed ittella’ lejla mużiko-letterarja fil-Proto-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Sant’Elena, nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru fis-7.30pm.

Matul din is-serata ser jingħata l-onorifiċċenza ‘Ġieħ il-Kolleġġjata Elenjana” u ser ikun hemm għall-wiri l-abbozzi ta’ żewġ monumenti li ser jitwaqqfu aktar ‘il quddiem li jfakkru lil Dun Perin Borg u lil Dun Filippu Borg.

Din is-serata ser tkun qed tittella’ bis-sehem tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena waqt li matula ser issir ġabra b’risq Dar Pirotta; dar għall-persuni b’diżabilità li tinsab fil-pjazza ewlenija ta’ Birkirkara.

Intant, iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum Birkirkara, jissoktaw l-għada it-Tnejn 5 ta’ Diċembru filgħaxija b’attività imtella’ mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fi pjazza Sant’Elena. Matul din l-attività li tara is-sehem tat-tlett baned Karkariżi magħquda f’banda waħda, jieħdu sehem bosta Għaqdiet oħra ewlenin fl-istess raħal.

Ser jingħataw ukoll diversi premji fosthom għall-kompetizzjoni li saret bejn it-tfal tal-isbaħ kartolina tal-Milied; apprezzament, unur u anke ġieħ Birkirkara kif ukoll jieħdu sehem diversi kantanti Karkariżi, stabbiliti fix-xena mużikali.

Sport