Wednesday, April 24, 2024

Raġel minn Ħal Tarxiex akkużat b’ħasil ta’ flus u frodi

Aqra wkoll

Jerico Spiteri ta’ 39 sena minn Ħal Tarxiex, li hu meqjus bħala espert fl-IT tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’ħasil ta’ flus u frodi b’dannu għall-kumpanija Michele Peresso Limited.

Skont dak li ħareġ fil-Qorti, Spiteri allegatament iħħekja sistema tal-kompjuter tal-kumpanija li hu mpjegat magħha u ħadilha aktar minn €41,000.

Il-pulizija kienu rċivew rapport dwar transazzjoni suspettuża f’Settembru li għadda u mill-investigazzjonijiet li saru nstab li Spiteri kien ippoża ta’ direttur tal-kumpanija u ta struzzjonijiet lid-dipartiment tal-finanzi biex jittrasferixxi s-somma f’kont partikolari li wara nstab li kien ta’ Spiteri.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Spiteri wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ffriżat l-assi kollha tal-akkużat.

Spiteri ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq uq garanzija personali ta’ €20,000 u numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa u jkun id-dar bejn nofsilejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.

Il-Qorti ordnatlu wkoll biex ma javviċina lil ebda impjegat u l-ebda ħanut tal-kumpanija Michele Peresso Limited u biex ma jwettaqx xi azzjoni ta’ tħassir fuq it-tgħamir li elevat il-pulizija.

Sport