Saturday, May 4, 2024

“Bla dubju għadna l-underdogs, imma għandna qalb ġenwina u onesta” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt l-indirizz tiegħu fl-attività politika minn Santa Luċija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu lest li jiltaqa’ u jiddiskuti biex finalment ikunu jistgħu jippreparaw politika għal gvern alternattiv.

Huwa qal li din il-ġimgħa personalment esperjenza dak li l-Partit Nazzjonalista żergħa mingħajr xinxilli fil-Parlament Ewropew. Spjega l-emozzjonijiet tiegħu fi Strasburgu fejn ħassu verament kburi li huwa Malti u Kap ta’ Partit li waħda minnu telgħet fil-quċċata tal-Parlament Ewropew.

Grech qal li l-Partit Nazzjonalista kompla jissaħħaħ, iżda jifhem li għadu jitqies bħala underdog u se jibqa’ jitqies hekk. “M’għandniex f’idejna l-miljuni, imma għandna qalb ġenwina, onesta, awtentika, sinċiera li trid biss taħdem għall-ġid uniku ta’ pajjiżna u tagħti lura l-unur li verament jixraqlu”, kompla Grech. 

Grech reġa’ tkellem dwar il-Prim Ministru Robert Abela u qal li l-billboards mwaħħlin fit-toroq juru mod ieħor ta’ dak li verament hu. “Robert Abela mhux lest li jiddjaloga u li jiddeċiedi, iżda la l-Kostituzzjoni tgħid li jrid jiftiehem miegħi allura se jkollu jiftiehem miegħi biex nagħżlu l-Ombudsman ta’ dan il-pajjiż”, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Tkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jinkludi 12-il abbozz ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista biex tissaħħaħ il-governanza ta’ pajjiżna biex pajjiżna jimxi ’l quddiem. Huwa tkellem dwar kif fil-parlament ġie deċiż li wieħed minn dawn it-12 kien jinkludi element ta’ flus u li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu ppreżentati l-bqija tal-abbozzi biex fil-jiem li ġejjin jibda jiġi diskuss.

Grech qal li bħala Partit għad fadallu x’jaħdem biex finalment ikun jista’ jmexxi l-pajjiż, iżda ċert li bil-ġenwinità se jkunu qegħdin jibqgħu ffukkati u determinati li jaħdmu fl-interess tal-poplu.

Grech sostna li jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn l-importanza tal-vaċċin u dawk li jibżgħu jew ma jistgħux jieħdu l-istess vaċċin għax dawn għandhom saħħa mentali li jeħtieġ li nibżgħu għaliha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara li tkellem dwar il-miżuri li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, il-gvern bħal “irrealizza li kien iebes wisq”.

Huwa temm jagħmel kuraġġ biex b’determinazzjoni jkun hawn bidla f’dan il-pajjiż u appella biex kull Nazzjonalist u kull Malti li jrid lil Malta timxi ’l quddiem għandu l-obbligu li jħabbat il-bibien tan-nies biex jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Sport