Wednesday, July 24, 2024

Blackball: Ħames plejers Maltin jieħdu sehem fil-Kampjonati Dinjija tal-IPA

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħames plejers tal-Blackball ħadu sehem fil-kampjonati tad-dinja tal-IPA li saru fil-belt Ingliża ta’ Newcastle.

Fil-fatt Johan Attard, Wayne Pace, Clint Grima, Jesmond Schembri u Lydon Debono kienu involuti f’kompetizzjonijiet individwali kif ukoll fid-doubles.

Fil-kompetizzjoni individwali, Johan Attard kien l-iktar wieħed li avvanza meta elimina lil Chris Keogh (3-0), Robert Telfer (3-0) u Paul Harkness 3-0 għalkemm ġie eliminat minn Chris Brown 3-1.

Min-naħa tiegħu, Jesmond Schembri elimina lil Joel Pickersgill 3-1, Paul Morland 3-1 biex avvanza żewġ rounds, l-istess kif għamel Wayne Pace li rebaħ lil David Pollard 3-0 u Bash Maqsood 3-1.

Lydon Debono safa’ eliminat minn Toby Vernon 3-1, l-istess bħalma ġralu Clint Grima li tilef 3-1 ma’ Jason Rimington.

Fil-kompetizzjoni tad-doubles, il-koppja Johan Attard u Lydon Debono irnexxielhom jaslu sat-tielet round wara li eliminaw lil Terrington/Spratt 7-0 u Rimington/Davis 7-6 sakemm ġew eliminati minn Davy/Fairwa 7-1.

Il-koppja Clint Grima u Jesmond Schembri ġew eliminati mill-ewwel round wara telfa żvinturata ta’ 7-6 kontra Swaffield/Guyatt.

Dan kien tournament prestiġġjuż li fih ħadu sehem numru ta’ plejers professjonali bil-plejers Maltin li ġew imfaħħra għal-logħob li urew.

Ekonomija

Sport