Wednesday, July 24, 2024

Għaxar nurseries tal-futbol Għawdxi ppreżentati fondi miksuba permezz ta’ pagamenti ta’ solidarjetà

Aqra wkoll

Waqt attività li saret it-Tlieta wara nofsinhar fil-Gozo Stadium, 10 nurseries tal-futbol Għawdxi, ġew ippreżentati fondi miksuba permezz ta’ pagamenti ta’ solidarjetà.

Il-preżentazzjoni saret mill-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo, fil-preżenza tal-president tal-Gozo FA, Dr Samuel Azzopardi, u uffiċjali oħra tal-assoċjazzjoni, flimkien mat-tmexxija tal-Gozo Youth FA.

F’indirizz qasir lil dawk preżenti, il-president tal-Malta FA tkellem dwar l-importanza ta’ investiment fit-tul fil-grasroots tal-futbol biex ikun żgurat pedament aktar b’saħħtu għall-klabbs tal-futbol u tenna l-pożizzjoni tal-Malta FA biex tkompli tappoġġja n-nurseries tal-futbol madwar il-pajjiż kollu.

Dr Samuel Azzopardi f’isem il-komunità tal-futbol Għawdxi laqa’ lill-president tal-MFA Bjorn Vassallo u kkummenta li kull investiment fin-nurseries tal-futbol huwa wkoll investiment fil-preżent u fil-futur ta’ uliedna u investiment fil-ġid tas-soċjetà tagħna.

Huwa faħħar id-dedikazzjoni tal-klabbs membri tal-GFA talli jemmnu fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u għalaq l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-Malta FA għat-tqassim tal-fondi għax dawn se jkomplu jgħinu lin-nurseries tal-futbol fil-missjoni tagħhom ta’ kuljum.

Ekonomija

Sport