Friday, May 3, 2024

Il-PM iħabbar ħames inizjattivi li se jingħataw prijorità immedjata

... wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

  • leħen akbar liċ-ċittadin
  • aktar infurzar fis-settur tal-kostruzzjoni
  • sas-sajf se jkollna liġi ġdida tal-OHSA
  • se titneħħa kull distinzjoni bejn bini stand-alone u bini ieħor
  • il-Gvern se jordna audit tal-proċessi ta’ allokazzjoni ta’ art biex jaġġorna fejn meħtieġ

Ftit sigħat biss wara li ppubblika r-rapport tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ħames inizjattivi li l-Gvern beda jwettaq u huma ta’ prijorità immedjata. Dan sabiex ikompli jirriforma s-settur tal-kostruzzjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li se jingħata leħen akbar liċ-ċittadin b’sistemi aħjar u aktar aċċessibbli biex l-argument taċ-ċittadini fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli jasal b’mod effikaċi.

Għalhekk il-Gvern se jipprovdi assistenza professjonali ta’ Avukati u Periti lil dawn iċ-ċittadini. Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman ikollu wkoll il-mandat tiegħu aktar estiż għall-kostruzzjoni.

L-infurzar irid ikompli jintensifika b’taqsima ċentralizzata li tissorvelja l-infurzar fis-settur. Id f’id ma’ dan se jinħoloq helpline ffukat fuq il-qasam. Dan filwaqt li sas-sajf se jkollna liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà.

Il-Prim Ministru spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se titneħħa kull distinzjoni bejn bini stand-alone u bini ieħor. L-ewwel azzjonijiet b’rabta ma’ dan diġà tħabbar fl-aħħar jiem.

Dr Abela żied jgħid li minkejja li l-inkjesta qalet li ma hemmx rabta bejn l-allokazzjoni tal-art u l-inċident li seħħ f’Kordin, il-Gvern ħa nota tal-kritika dwar kif saret l-allokazzjoni u se jordna audit tal-proċessi ta’ allokazzjoni tal-art biex jaġġorna fejn meħtieġ.

Sadanittant, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li ħatar sotto-kumitat tal-Kabinett ikkordinat mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glen Micallef biex imexxi b’mod iffukat l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-istess inkjesta

Sport