Thursday, May 9, 2024

Budget 2024: Sentimenti mħallta mill-imsieħba soċjali u entitajiet oħra

Ħafna minnhom iqisu l-Budget b’mod pożittiv

Aqra wkoll

Il-Budget 2024 intlaqa’ b’mod pożittiv ħafna għall-miżuri soċjali li fih. Madankollu, uħud mill-imsieħba soċjali filwaqt li faħħru diversi aspetti tal-Budget, sabu wkoll x’jikkritikaw. L-aktar miżura soċjali li ntlaqgħet tajjeb ħafna kienet li se jibqa’ jingħata s-sussidju fuq l-enerġija, il-fjuwil, ċerali u għalf għall-annimali, miżura li b’kollox il-Gvern se jerfa’ l-piż ta’ €350 miljun fis-sena li ġejja. 

Miżuri oħra li laqtu l-għajn tal-imsieħba soċjali kien is-settur tat-turiżmu, l-ekonomija, is-sostenibilità u l-istabbilità kif ukoll iż-żieda fil-paga minima, żidiet fil-pensjonijiet u l-arranġamenti li qed isiru biex pajjiżna jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru tiegħu. L-istess imsieħab soċjali u entitajiet oħra saħqu wkoll il-ħtieġa ta’ viżjoni ekonomika għas-snin li ġejjin.

“It-turiżmu jibqa’ l-mutur tal-ekonomija” – l-MHRA 

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ddeskriviet il-Budget 2024 bħala impenn kontinwu mill-Gvern li jkompli jappoġġja t-tkabbir u l-espansjoni tal-ekonomija Maltija u dan minkejja l-isfidi ekonomiċi globali u anke dawk ġeo-politiċi. B’mod speċifiku, l-MHRA rrikonoxxiet il-bosta miżuri soċjali elenkati f’dan il-budget. 

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu dwar il-Budget, il-President tal-MHRA Tony Zahra spjega kif matul din is-sena, is-settur turistiku serva ta’ xprun importanti għall-ekonomija, bil-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jafferma li huwa mistenni li dan is-settur jibqa’ jilgħab rwol importanti anke matul is-sena li ġejja. Huwa enfasizza l-importanza tal-konnettività għal din l-industrija u għalhekk, it-tnedija tal-linja tal-ajru ġdida fl-aħħar ta’ Marzu li ġej jibqa’ element kruċjali għas-suċċess ta’ din l-industrija fl-2024. 

Min-naħa l-oħra, l-MHRA saħqet li peress li s-settur tal-ospitalità jiddependi ħafna fuq ir-riżorsi umani, iż-żieda sostanzjali fil-COLA tista’ potenzjalment tħalli impatt fuq il-profitabbiltà tal-industrija. Biex tkun tista’ tilqa’ għal dan, l-industrija trid taħdem għal kisbiet fil-produttività jew iżżid l-infiq per capita fis-settur tal-ospitalità.

L-MHRA iżda apprezzat l-intervent tal-gvern fis-settur tal-enerġija, billi tagħraf is-sinjifikat tiegħu fl-immaniġġjar tal-ispejjeż tal-industrija u żżomm ir-rati tal-inflazzjoni taħt kontroll permezz ta’ sussidju.

L-MHRA tenniet li n-nuqqas ta’ ħaddiema jibqa’ wieħed mill-akbar sfidi għas-sostenibbiltà tas-settur u li dan jeħtieġ ippjanar fit-tul. Irrimarkat ukoll li ma ssemma xejn b’mod speċifiku fil-Budget dwar inċentivi biex tgħin fit-tranżizzjoni ta’ din l-industrija sabiex tilħaq il-miri ta’ sostenibilità u tibdil fil-klima. 

Budget b’miżuri li jindirizzaw l-iżvilupp żejjed f’Għawdex – GTA

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) nnotat li l-miżuri elenkati fil-budget għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi filwaqt li jissalvagwardjaw u jsostnu t-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-Budget se jkompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali fost oħrajn, miżuri li se jkomplu jgħinu mhux biss lill-familji iżda anke lin-negozji.

Il-GTA irrikonoxxiet il-fatt li l-Budget 2024 kien jinkludi miżuri intiżi sabiex jindirizzaw l-iżvilupp żejjed f’Għawdex. Waħda mill-miżuri fil-fatt kienet tirrigwardja x-xiri ta’ proprjetajiet UCA jew li ilhom vakanti minn first-time buyers. Mis-sena d-dieħla se jiżdied il-grant li jingħata lil first time buyers ta’ dawn il-proprjetajiet f’Għawdex minn €30,000 għal €40,000. Dan minbarra l-għajnuniet b’saħħithom l-oħra ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal kull min jixtri din it-tip ta’ proprjetà.

Meta għamlet referenza għall-miżuri relatati mat-turiżmu, il-GTA semmiet l-estensjoni tal-miżura sabiex aktar turisti joqogħdu għal żmien fil-gżira Għawdxija, b’mod partikolari fix-xhur ta’ bejn Novembru u Marzu. Barra minn hekk, il-prodott turistiku Għawdxi mistenni jiggwadanja mit-€58 miljun li qed jiġu allokati għal Għawdex mill-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli Urban taħt ir-regolament ERDF.

Miżuri oħra li jolqtu s-settur turistiku Għawdxi jirreferu għall-konnettività bejn il-gżejjer, fosthom l-Airfield fix-Xewkija. Madankollu, il-GTA nnotat li ma saritx referenza għar-raba’ vapur ġdid mal-flotta tal-Gozo Channel u lanqas saret referenza dwar ir-dik li sejħitilha bħala “ring fencing” tal-fondi ta’ eko-kontribuzzjoni miġbura mill-akkomodazzjoni Għawdxija sabiex ikunu investiti direttament fi proġetti turistiċi f’din l-istess gżira.

Fl-aħħar nett, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ddikjarat li temmen li l-Budget għall-2024 huwa mmirat lejn l-istabbiltà ekonomika fil-Gżejjer Maltin f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għall-ekonomija, madankollu tibqa’ tittama li jittieħdu aktar miżuri biex ikun imħares u ssalvagwardjat il-karattru distint ta’ Għawdex.

Budget li jimmira prinċipalment lejn l-aspett soċjali – GBC

Fir-reazzjoni tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) innotat li l-Budget 2024 jimmira prinċipalment lejn l-aspett soċjali u ż-żamma ta’ livell ta’ għajxien tajjeb għall-popolazzjoni Maltija, fid-dawl tal-isfidi li pajjiżna qed jiffaċċja fuq livell internazzjonali. 

Innutat ukoll b’mod pożittiv il-bidu prospettiv tal-proġett tal-airfield rurali, u t-tlestija ta’ proġetti importanti fis-sena li ġejja bħaċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv ta’ Għawdex, it-tlestija ta’ Dar San Ġżepp, l-Iskejjel Primarji u Medji tar-Rabat, u ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat. 

Il-GBC sostniet li fil-qasam tas-saħħa, l-akkwist ta’ magna tal-MRI għal Għawdex se jnaqqas bil-kbir it-tbatijiet tal-pazjenti Għawdxin li jkollhom jivvjaġġaw lejn Malta biex jużaw dan is-servizz. 

Madankollu, fid-dawl tal-pubblikazzjoni riċenti tal-Istrateġija ta’ Żvilupp Reġjonali ta’ Għawdex il-Kamra qalet li temmen li l-baġit falla opportunità importanti biex jittrasforma l-ekonomija Għawdxija f’ekonomija aktar sostenibbli, u biex isostni viżjoni fit-tul għall-gżira. 

Filwaqt li enfasizzat li t-taxxa ġenerali ta’ 2% fuq ix-xiri ta’ proprjetà f’Għawdex kienet ta’ benefiċċju f’punt meta s-suq kien staġnat, miżura ġenerali bħal din kif inhi fformulata qed tinċentiva l-iżvilupp ta’ appartamenti żgħar fi ħdan komunitajiet li bħalissa ma jistgħux jassorbi tali tip ta ‘żvilupp.  

Madankollu l-Kamra qieset li t-tfaddil mit-tneħħija tal-bolla mnaqqsa għandu jkun dirett lejn inċentivi li huma allinjati mal-prijoritajiet soċjoekonomiċi ta’ Għawdex. 

Minn perspettiva infrastrutturali l-Kamra saħqet il-ħtieġa ta’ sptar ġdid għal Għawdex. L-istess jgħodd għall-Qrati l-ġodda ta’ Għawdex, peress li l-bini attwali mhuwiex adegwat.

Il-Kamra qalet ukoll li mhix sodisfatta li f’dan il-Budget, setturi li jeħtieġu appoġġ bħall-importaturi u l-artiġjani stabbiliti f’Għawdex, li jeħtieġu assistenza fit-trasport bejn iż-żewġ gżejjer, ma ġewx indirizzati.

Budget soċjali b’aktar bżonn ta’ ekonomija sostenibbli – MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) iddeskriviet il-Budget bħala wieħed mimli b’miżuri soċjali iżda li ma tantx jindirizza l-ħtieġa ta’ ristrutturar ekonomiku biex ikun hemm ekonomija sostenibbli u kompetittiva permezz ta’ investiment privat u attivitajiet ta’ valur miżjud ogħla.

L-MEA nnutat b’sodisfazzjon li l-Gvern beħsiebu jkompli bl-isforzi tiegħu sabiex jipproteġi lill-familji u n-negozji miż-żieda fil-prezziijiet tal-enerġija. Innutat ukoll li l-Budget jinkludi miżuri pożittivi immirati li jipproteġu faxex vulnerabbli tas-soċjetà.

“Nilqgħu l-miżuri li jinċentivaw l-anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. L-MEA tħares ukoll b’mod pożittiv lejn l-inċentivi mħabbra għan-negozji tal-familja,” żiedet tgħid l-Assoċjazzjoni fi stqarrija. 

Budget pożittiv – ACE

Fl-ewwel reazzjoni tagħha ma’ dan il-ġurnal, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) Michelle Muscat saħqet li l-Budget kien wieħed pożittiv anke minħabba li se jissokta s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija. Ħaġa pożittiva li rat hija ż-żidiet fil-pagi, li se jkabbru l-kapaċità għall-ifniq tal-konsumaturi.

Irrimarkat ukoll li minkejja li pproponiet tnaqqis fir-rata tal-VAT għal stabbilimenti tal-ikel bħalma hemm fil-lukandi, uriet id-diżappunt tagħha li din il-proposta għadha ma ntlaqgħetx iżda qalet li hu ttamat li din il-miżura tintlaqa’ fil-futur. 

Sport