Thursday, April 18, 2024

BUDGET B’SOSTENN TA’ FONDI EWROPEJ

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Il-budget li tressaq ġimgħa ilu fil-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana huwa wieħed li juri tassew il-kuxjenza soċjali tal-Gvern Laburista u faċilment nistgħu insejħulu bħala l-aktar budget soċjalment ġust li tressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament. Mal-aspett soċjali tal-budget ta# din is-sena żdiedet ukoll id-dimensjoni ambjentali li ingħatat ukoll importanza kbira għaliex mingħajr l-ebda dubju, l-ambjent li ngħixu fih huwa kontributur ewlieni lejn l-aqwa kwalita tal-ħajja li rridu li jkollu l-poplu tagħna.

Id-diskors tal-budget kien miżgħud b’inizjattivi u proġetti li se jgħinu bil-bosta lill-aktar setturi vulnerabbli tas-soċjeta li qed ngħixu fiha u fl-istess waqt jagħti spinta kbira ‘l quddiem lejn l-isforzi ta’ pajjiżna biex jilħaq miri ambjentali importanti li aħna kommessi li nilħqu, jiġifieri dak li nnaqqsu drastikament l-emmissjonijiet tal-karbonju. Dan ukoll huwa importanti ħafna għal pajjiżna biex mhux biss inkunu fid-direzzjoni ta’ dak li qed titlob l-Unjoni Ewropea, jiġifieri li l-Ewropa tkun ħielsa mill-emmissjonijiet sas-sena 2050 iżda wkoll għaliex nemmnu fil-ħtieġa li żgħar kemm aħna żgħar, pajjiżna wkoll irid jagħti sehmu biex jitreġġa’ lura il-fenomenu tat-tibdil fil-klima li wara kollox, jista’ wkoll ikun ta’ theddida għall-pajjiżna u l-poplu tagħna.

F’dak li huwa l-qasam soċjali, mingħajr dubju l-pensjonanti qegħdin ikomplu jiġu mgħejjuna. Għas-seba’ sena konsekuttiva ingħataw żieda fil-pensjoni tagħhom li hija ferm aktar minn dik mogħtija lil kulħadd. Barra minn hekk ser titnaqqas ukoll it-taxxa għal dawk il-pensjoni li jiddeċiedu li jibqgħu jagħtu sehmhom fid-dinja tax-xogħol. Fost aktar miżuri soċjali mħabbra fid-diskors tal-budget insibu ż-żieda fl-għajnuna supplimentari lill-pensjonanti u aġġustament ieħor fil-pensjoni tar-romol. Dawk l-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja se jaraw ukoll żieda sostanzjali fil-pensjoni tagħhom. L-anzjani li huma intitolati għall-għajnuna supplimentari u li għandhom ‘l fuq minn 80 sena se jkunu intitolati għall-mediċini b’xejn mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-mezzi.

Anke għal dawk l-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-kommunita bl-għajnuna tal-carer, l-allowance għalihom se tkun qed tiżdied b’€1,000 oħra fis-sena. Hemm ukoll żieda sostanzjali fl-allowance għat-tfal b’diżabilita u minn din il-miżura biss se jgawdu mal-1,700 familja.

Il-Fondi Ewropej se jkunu ta’ sostenn importanti għall-budget ta’ din is-sena. Diversi inizjattivi ambjentali mħabbra jistgħu ikunu ffinanzjati mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jinkludi investimenti u riformi li se jlaħħqu it-€345 miljun. Dawn jinkludu l-inċentivi fiskali li tħabbru biex in-nies ikunu mħajjra jixtru karozzi elettriċi jew hybrid filwaqt li fondi Ewropej se jintużaw ukoll biex jinbnew charging pillars mal-pajjiż kollu. Thabbar ukoll ir-rinovar f’binjiet pubbliċi biex dawn jibdew jaħdmu b’aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija filwaqt qed ikun ippjanat il-bini ta’ skola ġdida fl-Imsida li se sservi bħala mudell ta’ kif jistgħu jibnew l-iskejjel li jkunu kważi ħielsa għal kollox mill-emmissjonijiet.

Se nkomplu ninkoraġġixxu wkoll l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, u Fondi Ewropej se jintużaw biex jinbena post ġdid ta’ irmiġġ f’San Pawl il-Baħar. Biex inkomplu nnaqqsu l-inkonvenjent għan-nies ta’ Birżebbuġa se jinbeda wkoll il-proġett Shore-to-Ship fil-Freeport biex il-bastimenti li jitrakkaw hemmhekk jieħdu l-provista tal-elettriku tagħhom mill-grid nazzjonali u b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni u jonqsu l-emmissjonijiet.

Se nkunu nistgħu nagħmlu użu mill-Fondi Ewropej anke biex inħarrġu aktar liż-żgħażagħ tagħna fil-ħiliet ġodda meħtieġa għall-bidla lejn ekonomija diġitali li pajjiżna jrid ikompli jgħaddi minnha fix-xhur u s-snin li ġejjin. Irridu li ferm aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu wara li jagħlqu s-16-il sena. Anke fil-qasam tas-saħħa se ngħinu b’Fondi Ewropej biex jinbena l-isptar ġdid għall-mard mentali akut u anke l-Blood, Tissue and Cell Centre, ċentru tad-demm bl-aqwa teknoloġija li se jkun ukoll ċentru ta’ riċerka f’dan il-qasam. 

Meta wieħed jifli sewwa l-miżuri u proġetti mħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla ma jistax ma jkunx konvint li dan kien tassew eżerċizzju qawwi ta’ ġustizzja soċjali u kuxjenza ambjentali li Gvern soċjali demokratiku u progressiv biss jista’ joffri lill-poplu tagħna. Kburi li għal dan il-pjan ta’ miżuri u investimenti, se nkunu qed nikkontribwixxu wkoll b’Fondi Ewropej biex ikollna Malta li aħna rridu għal uliedna.

Ekonomija

Sport