Tuesday, December 24, 2024

Budget b’viżjoni li jippromwovi x-xogħol u s-soċjal

Il-GWU sodisfatta li diversi proposti tagħha ġew inklużi

Aqra wkoll

Budget sostenibbli, li qed jippremja x-xogħol u jippromwovi solidarjetà soċjali. Budget ta’ Gvern b’viżjoni u pjan nazzjonali li qed ikompli jibni fuq il-bżulija tal-ħaddiema f’Malta kif ukoll is-self-employed.

“Il-General Workers’ Union tinsab sodisfatta li grazzi għall-bżulija tal-poplu u l-għaqal tal-Gvern, il-qagħda u t-tkabbir tal-ekonomija qed iwasslu għaż-żieda ta’ diversi benefiċċji li se jinfirxu fost il-ħaddiema u l-membri kollha tas-soċjetà Maltija biex kulħadd jimxi ‘l quddiem,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.

Miżuri importanti għall-GWU huma li se jkompli jissussidja l-prezz tal-enerġija, tal-fjuwil u ċ-ċereali, it-twessigħ tat-tax bands li jgħin lill-ħaddiema, żieda fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji soċjali, l-in-work benefits fost oħrajn, miżuri li li se jħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji u jwieżnu l-aktar vulnerabbli.

Miżura oħra li kienet proposta mill-GWU hija dik tal-Occupational Pension Schemes, fejn il-Gvern qed jinkoraġixxi bis-sħiħ dan il-pjan fl-interess tal-ħaddiema, biex ikollna dejjem aktar pensjonijiet sostenibbli u adegwati. Kif ukoll emendi li hemm bżonn fil-Wage Regulation Orders (WRO) biex issir ir-reviżjoni meħtieġa sabiex tinħoloq uniformità u ċertezza legali. Dawn il-liġijiet se jkopru is-setturi kollha tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

Budget li bħal kull sena qed ipoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-soċjetà. Żgur li l-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ politika ġdida – Viżjoni għal Malta 2050, Master Plan għat-Trasport u Politika ta’ Migrazzjoni Ekonomika. Viżjoni ta’ pajjiż li jħares aktar lejn il-kwalità minflok il-kwantità.

“Minkejja l-isfidi kollha madwarna, b’mod dirett u indirett il-Gvern se jitfa’ madwar 550 miljun ewro fil-bwiet tal-poplu, filwaqt li fl-istess ħin id-defiċit tal-pajjiż se jkompli jinżel b’mod sostenibbli, mingħajr il-ħtieġa li jżid it-taxxi anzi jnaqqas ir-rata – dan kollu qed jixhed governanza tajba, hekk kif qed jiġbor dak li hemm bżonn jinġabar filwaqt li jikkontrolla l-ispiża tal-Gvern u jkun ta’ sostenn għall-poplu u l-pajjiż,” saħaq Bugeja.

It-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li qed jesperjenza l-pajjiż qed iwassal biex il-Gvern isostni s-soċjetà u l-pajjiż.

B’dan il-budget u b’din il-viżjoni dan il-Gvern qed jindirizza l-isfidi tal-lum u ta’ għada.

Din hija l-ewwel reazzjoni tal-GWU. Fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali se jkun qed joħroġ reazzjoni uffiċjali.

Ekonomija

Sport