Saturday, May 4, 2024

“Budget pożittiv… meħtieġa aktar attenzjoni għal Għawdex” – il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet li l-budget għas-sena d-dieħla b’mod ġenerali qed iżomm bilanċ tajjeb bejn is-soċjal u l-ħtiġijiet tan-negozji fid-direzzjoni strateġika tas-sostenibbiltà.

Hija nnotat ukoll l-enfasi fil-budget fuq ir-riżorsi umani, u d-direzzjoni ġenerali biex il-ħiliet meħtieġa jkunu allinjati ma’ dawk tal-ekonomija ekoloġika u diġitali. F’dan ir-rigward, intqal li Għawdex joffri potenzjal sinjifikanti u jeħtieġ li ssir aktar enfasi f’din id-direzzjoni fuq livell reġjoni.

Dwar iċ-Ċensiment tal-Ħiliet tal-ħaddiema, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet li din hija inizjattiva importanti li iżda teħtieġ ukoll tiffoka fuq livell reġjonali. “Li jkollok rendikont tal-ħiliet fuq livell reġjonali, inkluż f’Għawdex, jippermetti li jiġu indirizzati l-isfidi minn kull reġjun.” 

Min-naħa l-oħra, qalet li fil-budget ma ssir l-ebda enfasi fuq investiment fil-qasam industrijali f’Għawdex. Dwar il-konnettività, il-budget isemmi inizjattivi diversi meħuda fosthom ir-raba’ vapur u s-servizz tal-fast ferry. “Dawn huma inizjattivi importanti li wrew li kull investiment fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer jista’ jsostni l-iżvilupp ta’ Għawdex,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija. 

Hija nnotat ukoll fost affarijiet oħra l-enfasi li qed issir fuq is-sostenibbiltà fejn innotat b’sodisfazzjon li żdiedet l-għotja finanzjarja fuq skrappjar ta’ vetturi li jħammġu f’Għawdex biex issa din minn €1,000 se titla’ għal €2,000.

Fir-rigward tas-settur tal-proprjetà wieħed jinnota b’mod pożittiv l-estensjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq xiri ta’ proprjetajiet f’Għawdex. 

Finalment, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet li għalkemm dan kien budget pożitttiv, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex bħala gżira-reġjun għandhom jingħataw aktar attenzjoni.

Sport