Wednesday, May 15, 2024

MHRA: Il-Budget 2022 – Investiment fil-kwalità tal-ħajja

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) iddeskriviet il-budget 2022 bħala “investiment ċar fil-kwalità tal-ħajja”. L-Assoċjazzjoni nnotat b’sodisfazzjon diversi inċentivi li jindirizzaw lin-nies, l-ambjent u l-prosperità kif irrakkomandat fil-proposti ta’ qabel il-baġit. 

“Il-benefiċċji tax-xogħol li jippremjaw il-produttività, ittnaqqis tat-taxxa fuq ir-rati tal-part-time u l-overtime, l-estensjoni tas-servizzi taċ-childcare b’xejn, trasport pubbliku b’xejn għal residenti Maltin, opportunitajiet ta’ taħriġ biex jiġu indirizzati lakuni fil-ħiliet u proċeduri mtejba biex jiġu ngaġġati impjegati huma miżuri ċari li jappoġġjaw is-settur tat-turiżmu u l-ospitalità,” qalet l-MHRA. “Dawn il-miżuri flimkien jindirizzaw waħda mill-isfidi ewlenin li qed jaffaċċja s-setur tagħna fost oħrajn fl-ekonomija.”

Mill-aspett ambjentali, l-MHRA nnotat inċentivi li jinkoraġġixxu ġestjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija, riċerka u żvilupp li jwasslu għal operazzjonijiet ekoloġiċi fis-settur turistiku, inċentivi ta’ konservazzjoni u restawr u tisbiħ taż-żoni turistiċi li lkoll iddeskriviethom “bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.”

L-enfasi tal-budget fuq żvilupp sostenibbli b’mod partikolari fuq inċentivi fiskali għal investiment mill-ġdid fin-negozju u fuq konnettività u kummerċjalizzazzjoni tal-prodott turistiku kienu wkoll imfaħħra mill-MHRA.

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra ddikjara li dan il-budget huwa xhieda ta’ kif Malta kienet immexxija b’mod tajjeb waqt il-pandemija mhux biss biex tkun issalvagwardjata s-saħħa tal-poplu imma wkoll biex jiġu ġġenerati biżżejjed riservi biex issostni l-operat tan-negozji waqt kundizzjonijiet ekonomiċi bla preċedent u biex tmexxi ‘l quddiem żvilupp sostenibbli tal-ekonomija tagħna u ntejbu l-kwalità tal-ħajja għan-nies kollha tagħna.

Sport