Saturday, December 21, 2024

Budget ta’ kontinwità bi ftit effett fuq l-SMEs

- Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Aqra wkoll

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji nnutat li l-Budget huwa wieħed ta’ kontinwità iżda li ftit li xejn iħalli effett dirett fuq l-intrapriżi żgħar u medji. Qieset li t-tkomplija tas-sussidji fuq l-enerġija hija essenzjali għas-sostenibilità tan-negozji filwaqt li laqgħet b’mod pożittiv l-estensjoni tal-miżura dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għar-rigward ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

Filwaqt li faħħret it-twessiegħ tat-tax bands li permezz tagħhom il-ħaddiema se jħallsu inqas taxxa, sostniet li b’danakollu l-Budget ma ndiriizzax il-wegħda tal-manifest elettorali tal-Gvern li jnaqqas it-taxxa b’10% għan-negozji bil-konsegwenza li n-negozji lokali se jkomplu fi żvantaġġ ma kumpaniji barranin li jħallsu taxxa ta’ 5%.

Sostniet ukoll ir-rikonoxxixment tagħha li s-sussidju fuq xiri ta’ vetturi elettriċi se jibqa jingħata iżda lmentat li dan is-sussidju se jonqos bi €3,000 minn €11,000 għal €8,000.

Il-Kamra sqarret ukoll id-diżappunt illi Budget naqas milli jindirizza l-isfidi kritiċi li qed jiffaċċjaw in-negozji lokali u ma jipprovdix l-għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni li l-pajjiż jeħtieġ.

Tittama li jinbeda x-xogħol fuq sptar ġdid f’Għawdex

  • il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qieset il-Budget bħala wieħed pożittiv u qalet li kien importanti li dan il-Budget qed jirrikonoxxi kemm il-valur ekonomiku kif ukoll l-impatt soċjali u ambjentali li l-ekonomija għandha. Għalhekk il-Kamra laqgħet il-miżura li tiġi stabbilita politika ta’ migrazzjoni li tibbaża fuq il-ħiliet. F’dan il-kuntest, il-Kamra sostniet li għandha tiġi mplimentata politika ta’ migrazzjoni bbażata wkoll fuq il-ħiliet speċifiċi sabiex f’Għawdex jiġu stabbiliti niċeċ ta’ valur miżjud għoli.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija esprimiet ukoll il-qbil tagħha għall-inċentivi li se jiġu mogħtija fir-rigward tat-tielet pilastru tal-pensjoni u qieset dan il-pass bħala importanti biex il-pensjonanti jkomplu jsaħħu d-dħul tagħhom.

Semmiet ukoll il-proġetti f’Għawdex fosthom id-Dar tal-Anzjani u l-iskola l-ġdida fir-Rabat li qieset bħala proġetti tajbin, madankollu esprimiet it-tama tagħha li jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta’ sptar ġdid f’Għawdex li huwa tant bżonnjuż għal Għawdxin f’kull livell.

Irreferiet ukoll għall-proposta tagħha li f’Għawdex jitwaqqaf ‘startup incubator’ fil-Gozo Innovation Hub u stqarret li filwaqt li fil-Budget jissemmew numru ta’ investimenti f’Malta, inkluż fil-qasam diġitali, ma jissemma ebda investiment għal Għawdex f’dan il-qasam.

Semmiet ukoll għadd ta’ miżuri oħra li esprimiet il-qbil tagħħha magħhom fosthom l-impenn għall-konnettivita ta’ Għawdex, l-inċntivi mħabbra għall-bdiewa, l-enfasi biex jitnaqqas l-impatt tal-karbonju, l-għotja ta’ €1000 għall-iskrappjar ta’ vetturi antiki f’Għawdex u li l-OHSA se tistabilixxi ċentru f’Għawdex biex toffri servizz aħjar u mmedjat fis-settur tal-kostruzzjoni.

Ekonomija

Sport