Thursday, April 10, 2025

Bżonn li jissaħħu l-liġijiet dwar l-abbużi fuq il-midja soċjali

Aqra wkoll

In-nisa fil-politika huma esposti aktar mill-politiċi rġiel biex ikunu fil-mira ta’ kliem dispreġjattiv u vjolenza psikoloġika. Din it-tema ġiet diskussa f’konferenza ġewwa l-Università ta’ Malta li kienet organizzata mill-Kumitat dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneri u d-Diversità b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment dwar il-Ġeneru u sSesswalità fi ħdan il-Fakultà għall-Ġid tas-Soċjetà.

Fid-diskors waqt il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, filwaqt li kkonfermat li hija stess kienet fil-mira ta’ attakki bħal dawn, qalet li din il-problema tista’ tkun waħda mill-fatturi li qiegħda żżomm lin-nisa milli jipparteċipaw aktar fil-ħajja pubblika.

Hija tenniet li dan qiegħed jikkawża defiċit demokratiku għaliex qiegħed joħnoq il-vuċi tal-mara u jikkawża żbilanċ bejn il-ġeneri u għalhekk jeħtieġ li din il-problema tkun indirizzata.

Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li ħafna minn dawn l-attakki sessisti qegħdin isiru fuq il-midja soċjali. Hija qalet bħal pajjiżi demokratiċi oħra fosthom l-Ingilterra, il-Ġermanja u l-Awstralja, hemm bżonn li anke Malta, tistudja kif tista’ ssaħħaħ il-liġijiet kontra l-abbużi li jsiru online fuq il-midja soċjali.

Hija qalet li d-doża ta’ kontenut abbużiv fuq l-internet żdied b’ritmu mgħaġġel u ser tkompli tikber bilmanipulazzjoni abbużiva tal-Intelligenza Artifiċjali. Ħafna drabi t-tfal u n-nisa huma l-akbar vittmi tal-abbużi online.Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg ħabbret li dawn il-kwistjonijiet jinsabu fl-aġenda tal-Gvern u hemm pjani biex titlaqqa’ konferenza nazzjonali biex tiddiskuti soluzzjonijiet prattiċi li jridu jkunu proposti minn esperti multidixxiplinarji li jinvolvu esperti tal-IT, esperti mill-qasam soċjali, edukaturi u l-ġenituri fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport