Tuesday, May 14, 2024

“Bżonn ta’ bilanċ biex Għawdex ma jispiċċax miżgħud bil-bini”

Dr Samuel Azzopardi, President Reġjun Għawdex

Aqra wkoll

Għawdex hu l-ikbar reġjun fil-gżejjer Maltin. F’din il-gżira ġara tagħna hemm 14-il kunsill lokali li kollha jagħtu sehemhom sabiex il-lokalitá tagħhom tkun isbaħ u aħjar.  

Żgur li waħda mit-temi l-iktar importanti u li hu attwali hu dak tal-ambjent. Jidher li anke Għawdex jaf imissu l-istess xorti bħal Malta, għall-inqas din hi l-opinjoni popolari tan-nies. X’jaħseb Dr Samuel Azzopardi dwar dan kollu? 

“L-ewwel nett jien mhux kontra li xi ħadd ikollu dar li tista’ titwaqqa’ u li forsi minflokha jagħmel xi appartamenti. Jien kontra l-iżvilupp eċċessiv li jagħmel ħsara lill-ambjent u li qed jiżnatura lil Għawdex. F’dan ir-rigward twaqqaf fond għall-kunsilli lokali sabiex jitħares l-ambjent f’Għawdex. Kburi ngħid li din l-inizjattiva tal-Kunsill Reġjonali qiegħda tgħin diversi kunsilli jissalvagwardjaw lil din il-gżira li tant ħafna jqisuha bħala ħolma biex ma tibidilx f’inkubu.” 

Dr Samuel Azzopardi

“Aħna bl-ebda mod ma rridu li (ħa nuża kelma xi ftit tqila) nisnaturaw lil Għawdex, iġifieri nneħħu dik il-karatteristika naturali li hi miżgħuda biha.” 
“Għawdex għandu fiżjonomija partikolari fejn ir-raħal hu ferm importanti u jagħti ċertu valur u identità. Dan kollu ma nixtiqux li nitilfuh għax inkunu tlifna parti mit-tradizzjoni Għawdxija. Ma rridux li din il-gżira tant sabiħa ssir miżgħuda bil-bini iżda nibqgħu nżommu dak il-bilanċ tant importanti.” 

Dr Samuel Azzopardi kif jaħsibha dwar l-idea tal-kunsilli reġjonali? 

“Naħseb li hi idea tajba din tal-kunsilli reġjonali. Illum ninsabu f’sitwazzjoni aħjar minn kif konna fil-bidu minħabba li bdew bla allokazzjoni finanzjarja u jiddependu mid-dħul miċ-ċitazzjonijiet, liema dħul qabel kien imur għand il-kunsilli lokali”.

“L-istess kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex kienu xi ftit xettiċi dwar din l-idea iżda aktar m’għadda ż-żmien, is-sindki tal-lokalitajiet bdew jaċċettaw din ir-realta’ apparti li ndunaw li hi wkoll daqqa t’id li jistgħu jirċievu mingħandna.

F’Malta forsi kien hawn aktar xettiċiżmu għax kien hemm grupp ta’ kunsilli lokali li ntefgħu ġo reġjun u li wara kollox ħafna minnhom ma kinux daqshekk kumplimentari għal xulxin. Għawdex ma kellniex din il-problema minħabba li din hi gżira li għandha identitá distinta li għaliha jappartjenu b’mod naturali l-kunsilli lokali kollha bħala Għawdxin. Għalhekk jien bħala l-president ta’ dan ir-reġjun forsi ġietni eħfef mll-kollegi Maltin biex nfihem dan il-livell ġdid ta’ governanza.” 

Azzopardi jgħidilna li l-idea ta’ deċentralizzazzjoni minn mal-Gvern ċentrali hi pass ‘il quddiem sabiex mhux biss ir-reġjuni iżda wkoll il-kunsill lokali jkollhom identita’ aqwa u iktar awtonomija, żewġ aspetti li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali taħt it-tmexxija ta’ Mario Fava taħdem qatigħ għalihom.

Hawn il-president tar-reġjun Għawdex sellem lil Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u faħħar il-ħidma tagħha sabiex tagħti aktar poteri sabiex mill-Eżekuttiv imorru għand ir-reġjuni.  

Samuel Azzopardi jgħid li għandu djalogu kontinwu mal-presidenti tar-reġjuni oħra f’Malta fejn dan ġieli jkun wieħed intensiv għax kulħadd ikollu l-problemi tiegħu. Wieħed jisma’ wkoll ilmenti komuni u permezz ta’ skambji ta’ ideat, huma dejjem jaraw li jmexxu ‘l quddiem dan il-kunċett. 

Samuel Azzopardi jkollu wkoll diskussjoni kontinwa mal-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri fuq Għawdex b’mod ġenerali u partikolari ukoll

“Mal-Onorevoli Camilleri nitkellem kontinwament fuq diversi temi li għanhom x’jaqsmu mal-gżira Għawdxija. Dejjem naraw li npoġġu fuq quddiem fuq l-aġenda nazzjonali l-ġid komuni t’Għawdex u l-Għawdxin. L-aħħar li tkellimt miegħu kien proprju f’Jannar li għadda meta ġew introdotti l-ġranet il-ġodda tal-ġbir tal-iskart. Tkellimt miegħu ukoll dwar il-futbol f’Għawdex peress li jien ukoll president tal-Gozo Football Association. Għandna rispett kbir lejn xulxin għax it-tnejn għandna idea komuni li naraw lil Għawdex isbaħ u aħjar.” 

Samuel Azzopardi ħareġ bħala kandidat indipendenti u rnexxielu jitla’ f’din il-kariga u naturalment dan kollu ma kienx xi ħaġa faċli 

“Meta int tkun qed toħroġ bħala kandidat indipendenti mhux faċli minħabba li ħafna votanti jkunu mxaqilba lejn partit jew ieħor. Madankollu kburi ħafna li ngħatajt il-fiduċja minn dawk kollha li raw kemm naħdem b’mod serju mal-Għawdxin kollha għax din il-gżira hi ferm għal qalbi. Jien inħares b’umilta’ lejn aktar ħidma għall-ġid mhux biss tal-Għawdxin iżda wkoll tal-Maltin.” 

Azzopardi qal li l-futur tal-Reġjun Għawdex jidher wieħed sabiħ

“Jien nemmen li se jkun hemm futur sabiħ għal din il-gżira għalkemm kif għedna aktar qabel, jibqgħu l-isfidi ambjentali li jafu jkunu kbar.  Irridu nkunu aħna li niddefendu din il-gżira li tant hi mfittxija mhux biss mill-Maltin iżda wkoll mill-barranin.” 

Hu sostna li ttieħdu miżuri ferm importanti sabiex il-ħajja anke tan-negozji Għawdxin tkompli timxi dejjem aktar ‘il quddiem.  

M’hemmx dubju li d-dinja ċkienet u llum id-dinja saret qisha villaġġ żgħir. Hu sostna li bħala Għawdex jbiegħu sew il-prodott turistiku tagħhom u għalhekk qed ikomplu jkunu dejjem aktar preżenti u mhux maqtugħa mill-kumplament tad-dinja. Dan kollu jkompli jagħti ġejjieni mill-isbaħ għal din il-gżira li jsejħilha ġawhra tal-Mediterran. 

Finalment tlabna lill-president tar-reġjun Għawdex Dr Samuel Azzopardi sabiex jgħaddi messaġġ lill-Għawdxin li tant jieħdu ħsieb din il-gżira tant sabiħa. 
“L-ewwel u qabel kollox jien nisħaq fuq l-awtentiċita’ ta’ din il-gżira li tibqa’ waħda unika. Din hi gżira awtonoma li madankollu trid tkun katina ma’ Malta fid-deċiżjonijiet li jittieħdu sabiex fuq kollox l-idea tar-reġjuni tibqa’ tiġi sostnuta u dejjem naraw li l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jiġu l-ewwel.” 

Sport