Tuesday, November 26, 2024

Ċerimonja fuq il-post tfakkar l-agħar inċident marittimu fl-Ewropa li sewa l-ħajja ta’ 32 persuna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

10 snin mit-traġedja tal-Costa Concordia…

L-Italja lbieraħ fakkret l-10 anniversarju tal-agħar traġedja marittima fl-Ewropa li fiha l-cruise liner lussuż “Costa Concordia” inqaleb f’baħar baxx barra l-gżira ta’ Giglo f’Toskana b’konsegwenza li tilfu ħajjithom 32 persuna. Dan l-inċident wassal għal investigazzjoni fuq il-membri tal-ekwipaġġ u l-kaptan tal-vapur fejn irriżulta li dan tal-aħħar ħalla l-passiġġieri warajh biex salva lilu nnifsu. L-ispejjeż totali ta’ dan id-diżastru, inkluż il-kumpens lill-vittmi u biex il-vapur jittieħed għall-iskrappjar, huwa stmat li laħaq €1.75 biljuni, aktar minn tliet darbiet tal-prezz tal-kostruzzjoni tal-istess vapur li kienet ta’ €536 miljun. 

Iċ-ċerimonja saret f’Giglio stess biex jitfakkru l-vittmi ta’ din it-traġedja. Hawn inġabru residenti tal-ġżira, passiġġieri li salvaw u qraba li tefgħu fjuri fil-baħar fejn il-bastiment li kien sofra ħsarat wara li laqgħat ġebel tal-qiegħ. Il-cruise liner, proprjetà ta’ Costa Crociere li hija sussidjarja tal-kumpanija ġganteska Amerikana “Carnival”, fil-ħin tal-inċident kellu fuqu 4,229 persuna minn 70 pajjiżi differenti.

Wara 10 snin Ester Percossi għadha tisma’ t-twerżieq u tiftakar qisu l-bieraħ il-ħarsa mimlija biża’ tan-nies li kienu fuq il-Costa Concordia. Din hija waħda mill-passiġġieri li salvaw min-nawfraġju ta’ dan il-cruise liner, ikkonsidrat bħala l-agħar diżastri marittimi fl-Istorja tal-Ewropa.

“Qiegħda nħossni emozzjonata ħafna. Ġejna biex infakkru lil dawk li tilfu ħajjithom, kif ukoll biex niffaċċjaw u niproċessaw it-trawma li għaddejna minnha.” – Passiġġiera tal-Costa Concordia li salvat

Percossi u persuni oħra li ħarbuha minn ħalq il-mewt nhar it-13 ta’ Jannar, 2012 irritornaw fuq il-ġżira għaċ-ċerimonja u biex għal darb’oħra jirringrazzjaw lir-residenti tal-gżira li fid-dlam u fil-kesħa tax-xitwa, b’qalb tajba u kuraġġ għenu eluf ta’ membri tal-ekwipaġġ u passiġġieri. 

“Qiegħda nħossni emozzjonata ħafna. Ġejna biex infakkru lil dawk li tilfu ħajjithom, kif ukoll biex niffaċċjaw u niproċessaw it-trawma li għaddejna minnha,” qalet Percossi jum qabel iċ-ċerimonja.

Filwaqt li f’dak il-lejl kien hemm ħafna persuni li għenu u kienu eroj, persuna waħda – il-kaptan tal-vapur Francesco Schettino – ma kienx fosthom. Ittimbrat bħala l-“Kaptan Kodard” mill-midja Taljana talli abbanduna l-cruise liner waqt is-salvataġġ, fl-2017 huwa ngħata 16-il sena ħabs wara li nstab ħati ta’ qtil involontarju.

Wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ li ma ħalliex il-vapur fil-ħin tal-inċident kien Russel Rebello, waiter li għen għadd ta’ passiġġieri jsalvaw mill-għarqa. Il-kadavru tiegħu nstab biss snin wara meta l-vapur, mimli sadid, kien ittowjat għall-iskrappjar fl-aktar operazzjoni marittima li swiet flus fl-Istorja.

“Ħija għamel id-dover tiegħu iżda tilef ħajtu biex jgħin lil ħaddieħor. Ovvjament, jien kburi bih u naħseb li anke huwa stess kien ikun kburi b’dak li għamel ,” qal ħu Russel, Kevin mal-wasla tiegħu għall-kommemorazzjoni.

Fost dawk li wkoll għenu fil-lejl traġiku kien hemm Sister Pasqualina Pellegrino, soru anzjana, li fetħet l-iskola tal-post, il-kunvent u kantina biex tilqa’ fihom lill-vittmi tan-nawfraġju. 

Hija qalet li, “din hija memorja li tibqa’ stampata f’moħħok għal għomrok. Ma tmur qatt. Anke meta kien għad hemm il-vapur… Kien qisu persuna abbandunata. Kien jaqbadni d-dwejjaq għax stajt narah mit-tieqa”. 

Din is-soru temmet tgħid li anke llum il-ġurnata ma tieħux pjaċir tiftakar dak li ġara dakinhar, “iżda sfortunatament dik hija l-ħajja. Trid tkompli tgħix bil-weġgħa fil-qalb jum wara l-ieħor”.

Sport