Friday, April 19, 2024

Melanie Grech… player u coach ewlenija tal-badminton f’pajjiżna

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif iltqajt mal-isport tal- badminton?

Minn etá żgħira, kont infittex li nagħmel xi forma ta’ attivitá fiżika fil-ħin liberu tiegħi. Meta bdejt nikber, bdejt nuri x-xewqa li nipprattika xi tip ta’ sport fuq livell kompetittiv. 

Madankollu, kont indeċiza liema sport nixtieq nipprattika u kont bdejt nattendi għal sessjonijiet ta’ sport differenti ma’ SportMalta, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Kunsill Malti għall-Isport. 

Ta’ 11-il sena bdejt nipprattika l-Basketball li bqajt nitħarreġ u nilgħab fuq livell kompettiv sal-etá ta’ 19-il sena. 

Sfortunatament, esperjenzajt burnout u minkejja li kienet deċizjoni diffiċli ħafna, iddeċidejt li nibda sport differenti għal kollox.

Kien proprju dan iż-żmien li wassalni biex nibda nipprattika l-badminton wara li rajt poster li jirriklama l-club. Tista’ tgħid li l-isport sar parti kbira minn ħajti. 

Gradwajt fl-Univeritá ta’ Malta fil-Bachelor in Scien­ce (Honours) in Sport and Physical Activity u ftit tas-snin wara erġajt gradwajt fil-Masters in Teaching and Learning in Physical Education. 

Fil-fatt, din is-sena skolastika hija l-ewwel sena tiegħi bħala għalliema tal- Edukazzjoni Fiżika. Il-fatt li minn dejjem kelli għal qalbi l-isport u l-ħajra biex ngħallem, wassluni biex naqbad din il-karriera. 

X’kienu l-kisbiet ewlenin tiegħek kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna f’dan l-isport?

Il-kisbiet tiegħi f’dan l-isport kienu relatati mal-Mixed Team League li huma logħob li jsiru bejn il-clubs lokali. 

Għal tliet snin konsekuttivi, attendejt għal training camps fir-Repubblika Ċeka fejn jien flimkien mal-partners tiegħi ġejna fit-tieni post f’tournaments organiz­zati fl-istess camps. 

F’dan l-istaġun ikkwalifikajt għall-finali fil-logħba tal-mixed fir-ranking tournament organizzat minn Badminton Malta li jien flimkien mal-partner tiegħi ġejna fit-tieni post. 

Apparti t-taħrig tiegħek bħala player, x’inhu l-involviment tiegħek fil-badminton?

Apparti li jiena nitħarreġ bħala player tal-badminton regolarment u apparti li jiena għalliema tal-Edukaz­zjoni Fiżika, jiena wkoll coach tal-Badminton ma’ SportMalta kif ukoll ma’ Evolve Badminton Academy. 

Ilni nikkowċja l-badminton għal dawn l-aħħar ħames snin. Apparti dan kollu, preżentement jiena wkoll is-segretarja ġenerali ta’ Paola Badminton Club fejn ilni naqdi dan ir-rwol għal tliet snin konsekuttivi. 

L-esperjenza fil-qasam am­ministrattiv bħala segretarja għenitni biex inkabbar il-ħiliet tiegħi f’dak kollu li hemm bżonn biex club jiffunzjona. L-imħabba li għandi għall-coaching u l-badminton in ġenerali kif ukoll l-esperjenzi li għandi fuq kull livell, wassluni biex nilħaq l-ambiz­zjoni tiegħi, dik li nibda u mmexxi club tal-Badminton f’Malta. 

Bl-għajnuna ta’ Matthew Abela, li huwa player tal- Badminton rinomat f’Malta, riċentement bdejna akkademja tal-Badminton li tajniha l-isem ta’ Evolve Badminton Academy. Apparti li kemm jiena kif ukoll Matthew immexxu din l-akkademja, aħna wkoll coaches mal-istess akkademja. 

Din tiffoka li tagħti at­ten­zjoni individwali u għalhekk il-membri tagħna jinqasmu fi tliet gruppi skond il-livelli tagħhom.

Bħalissa għandna grupp ta’ tfal bejn is-sitt u tmien snin, grupp ieħor ta’ tfal bejn id-disa’ u 14-il sena li l-livell tagħhom huwa ftit aktar avvanzat u grupp ieħor li huma players avvanzati li qed jaħdmu biex itejbu t-teknika tagħhom.

Għandna wkoll grupp ta’ adulti li huma beginners li jiġu jipprattikaw il-badminton waqt li t-tfal tagħhom ikunu qed jitħarrgu fil-badminton taħt l-istess saqaf mal-grupp rispettiv tagħhom. 

Barra minn hekk, noffru wkoll courts għall-kiri biex individwi ta’ kull livell jew etá jkollhom iċ-ċans biex jipprattikaw dan l-isport ma’ xi ħbieb jew familjari. Bħala Evolve Badminton Academy, ri­ċen­tement organizzajna tournament ta’ ħbiberija fejn kellna ‘l fuq minn 52 parteċipant li kien ta’ suċ­ċess kbir. 

Kif tiddeskrivi l-irwol tiegħek bħala coach tal- badminton?

Fil-fatt kien il-badminton li ntroduċieni fil-coaching. L-irwol tiegħi bħala coach tal-beginners (kemm tfal kif ukoll adulti) hu li ngħinhom jiżviluppaw il- ħiliet fundamentali bħal ko­­ordinazzjoni, aġilitá u ħeffa. Dan għaliex dawn huwa l-bażi ta’ kull sport u għalhekk huwa importanti ħafna li minn etá zgħira l-players jizviluppaw dawn l-abbiltajiet. L-irwol tiegħi huwa wkoll li nintroduċi l-bazi tal-logħba tal-badminton. 

Hawnhekk jitgħallmu ezerċizzji sempliċi tal-badminton bħalma hi t-teknika bażika tal-qbid tar-racket, il-modi differenti kif tolqot is-shuttlecock biex jaqbeż ix-xibka u r-regoli bażiċi tal-logħba. L-isfida hawnhekk tkun l-aktar fil-koordinazzjoni tal-għajn mal-id biex tkun tista’ tolqot is- shuttlecoack bir-racket, fejn għall-ewwel dan jista’ jkun kemmxejn diffiċli.

L-irwol tiegħi huwa dak li niggwida lill-players biex isaħħu t-teknika u l-ħila tagħhom fil-badminton. Apparti dan, l-irwol tiegħi bħala coach hu dak ukoll li nibni relazzjoni taj­ba mal-players u li nittrasmetti imħabba, determinaz­zjoni u impenn mhux biss lejn il-badminton imma wkoll lejn l-attivitá fiżika in ġenerali. 

X’tikkummenta fuq l- ope­rat ta’ Badminton Malta?

Badminton Malta taħ­dem mingħajr waqfien sabiex tagħti l-aqwa opportunitajiet lill-players kemm lokalment kif ukoll fix-xena internazzjonali. Meta kien kemmxejn diffiċli biex players isiefru barra minn Malta minħabba l-pande­mija, Badminton Malta organizzat training camps lokali fejn dawn ġew imwassla minn coaches internazzjonali. 

Badminton Malta taħ­dem ukoll sabiex tippromwovi l-badminton biex tkompli tħajjar aktar tfal u żgħażagħ jingħaqdu f’dan l-isport. L-assoċċjazzjoni taħdem ħafna wkoll sabiex tissapportja u tagħti għaj­nuna kemm tista’ lill-clubs lokali sabiex ikomplu jik­bru bħala membri. 

Tiffoka wkoll li tkompli tkabbar u ssaħħaħ l-Akkademja tal-Badminton mhux biss bħala players imma anke bħala coaches u uffiċjali. 

F’dan l-istaġun, Badminton Malta offriet courses im­wassla minn mentors barranin imħarrġin mill-BWF. Hija taħdem ħafna wkoll biex logħob bħall- Kampjonati tan-Nazzjonal ikunu organizzati bl-aħjar mod possibbli. Infatti, fl-istaġun li għadda, għall-ewwel darba, dawn il-logħob ġew ukoll murija dirett fuq il-media soċjali.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu kar­riera ta’ suċċess f’dan l- isport? 

Il-messaġġ tiegħi huwa li ħadd m’għandu jibża’ jagħmel pass li forsi jidher diffiċli f’dak il-mument għaliex jista’ jwasslek f’pos­tijiet li qatt ma tkun ħsibt li se tasal. 

Il-badminton tani ħafna opportunitajiet ġodda u laqqagħni ma’ nies li llum saru t-tieni familja tiegħi.

Il-messaġġ tiegħi hu li l-etá mhijiex kollox. Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu jibda sport partikolari min­ħabba l-etá għax qatt m’huwa tard wisq biex wieħed ikun attiv! 

Importanti wkoll li wie­ħed jara l-attivitá fiżika bħala parti mir-rutina u mhux li ssir biss f’każ ta’ ċans. 

Ladarba l-attivitá fiżika ssir parti mir-rutina, din issir prijoritá f’ħajtek. Nixtieq ngħaddi l-messaġġ ukoll li ħadd m’għandu jieqaf joħlom. Kull ambizzjoni tibda biss minn idea li jekk id-determinazzjoni u l-imħabba jippersistu …  ma tibqax biss idea iżda sseħħ realtá!

Sport