Xiaoduo Ye, Ċiniż li kien instab ħati li fil-15 ta’ Diċembru tal-2021 kien weġġa’ 3 uffiċjali tal-pulizija f’lukanda intbagħat lura lejn pajjiżu wara li skonta s-sentenza ta’ ħabs.
Hu kien instab ħati li fil-lukanda fejn kien qiegħed f’San Ġiljan kien hedded numru ta’ pulizija u anke weġġa’ ħafif 3 minnhom wara li kien tkeċċa mill-istess lukanda għax ma riedx jilbes maskra tal-Covid-19.
Hu kien mixli wkoll li naqas milli jobdi l-ordinijiet tal-pulizija u anke li kiser il-paċi pubblika.
Kien fit-8 ta’ Frar tas-sena li għaddiet meta hu nstab ħati u kien ikkundannat 3 xhur ħabs u multa ta’ €1,000. Iċ-Ċiniż kien appella mis-sentenza, iżda kellu l-appell tiegħu miċħud mill-Imħallef Edwina Grima.
Il-Prosekuzzjoni li mexxiet il-każ kienet qalet fil-Qorti li l-inċident seħħ f’lulanda wara li impjegat kien talab lir-raġel biex jilbes maskra tal-Covid waqt li kien f’żona komuni u mhux fil-kamra tiegħu.
Hu baqa’ jirrifjuta li jagħmel dan u l-impjegat kien talab liċ-Ċiniż biex joħroġ mil-lukanda. Kif baqa’ jirrifjuta li jagħmel dan kellhom jisejjħu l-pulizija.
L-inċident kompla li hekk kif waslu l-pulizija fil-kamra tiegħu kienu sabu xabla u hekk kif il-pulizija kkonfiskawilu beda jkun aggressiv.
Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Grima kienet qalet li r-raġel wera biċ-ċar li ma riedx ibaxxi rasu quddiem l-awtoritajiet fosthom uffiċjali tal-Pulizija. Kien għalhekk u raġunijiet oħrajn li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza.
Hekk kif skonta s-sentenza ta’ ħabs, iċ-Ċiniż tkeċċa minn Malta.