Tuesday, May 14, 2024

Ċittadini tal-Korea ta’ Fuq qed jirnexxilhom jaċċessaw informazzjoni barranija bl-ismartphone minkejja l-kontrolli

Aqra wkoll

Ġewwa l-Korea ta’ Fuq, għadd ta’ persuni li huma intiżi sew fit-tekonoloġija qegħdin “ibagħbsu” s-sistema li tiġi installata fuq kull smartphone mibjugħ ġewwa dan il-pajjiż li xogħolha hu li tipprojbixxi liċ-ċittadini milli jaċċessaw midja ta’ pajjiżi barranin. 

Fil-Korea ta’ Fuq, dawk il-persuni li jużaw l-ismartphones ma jkunux jistgħu jniżżlu applikazzjonijiet minn is-servizzi ta’ Google jew Apple kif nagħmlu aħna, u għalhekk dawn huma sfurzati jużaw biss applikazzjonijiet u mezzi oħrajn ta’ propaganda li huma approvati mill-istat.

Kull telefown ċellulari mibjugħ f’dan il-pajjiż jiġi b’applikazzjonijiet li josservaw il-mod ta’ kif qiegħed jiġi użat l-apparat u jieħdu ritratti għal għarrieda tal-iscreen tal-utent. Dawn ir-ritratti jiġu maħżuna f’post fejn ma jkunux jistgħu jiġu mħassrin. 

Iżda issa jidher li numru żgħir ta’ persuni qed jirnexxilhom jevitaw din il-pro­tezzjoni u b’hekk issa jistgħu jaċċessaw informazzjoni minn madwar id-dinja. Rapport li ħareġ dwar dan jgħid li żewġ persuni li rnexxielhom jaħarbu mill-Korea ta’ Fuq ikkonformaw li dan qiegħed isir. 

Għalissa jidher li din il-ħaġa qiegħda ssir minn numru żgħir ta’ persuni iżda hu mifhum li l-awtoritajiet Koreani jinsabu mħassba ferm dwar dak li qiegħed jiżviluppa. Il-Korea ta’ Fuq huwa pajjiż magħluq u dħul ta’ informazzjoni barranija li kapaċi tbiddel il-mentalità taċ-ċittadini tbeżża’ ħafna lill-mexxejja tal-pajjiż. 

Sport