Minn Cristian Muscat
Marsaxlokk jibdew l-avventura tagħhom fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League meta jiffaċċjaw lil FC Pyunik wieħed mill-aktar clubs fl-Armenja li għandu esperjenza kbira fil- kompetizzjonijiet Ewropej.
Marsaxlokk se jilagħbu l-ewwel partita f’pajjiżna qabel jivvjaġġaw lejn Yerevan għat-tieni leg fis-17 ta’ Lulju.
It-team Malti, li temm fit-tieni post tal-Yo Health Malta Premier, se jipprova jieħu vantaġġ mill-fatt li se jilgħab f’darna biex jibni riżultat pożittiv kontra avversarji li jgawdu rispett fil-kompetizzjonjiet Ewropej.
Pyunik jidħlu f’din il-kompetizzjoni b’reputazzjoni kbira hekk kif ilhom stabbiliti mill-1992, rebbieħa tal- kampjonat għal rekord ta’ 16-il darba u bi storja Ewropea li tinkludi parteċipazzjoni fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa Conference League fl-2022/23.
L-aħħar test tagħhom kien draw ta’ 2-2 kontra Aluminij f’partita ta’ ħbiberija, li wriet kemm jistgħu jkunu perikolużi fl-attakk iżda wkoll vulnerabbli fid-difiża.
Marsaxlokk se jkollhom ikunu kompatti u dixxiplinati jekk iridu jikkontrollaw il- logħba.
L-iskwadra ta’ Pyunik tinkludi lil diversi ismijiet importanti: fid-difiża hemm Nikos Kenourgios, James Santos, Mikhail Kovalenko, Filipe Almeida u Serhiy Vakulenko.
F’nofs il-ground jispikkaw il-captain Edgar Malakyan, Gevorg Tarakhchyan, Artak Dashyan u Karlen Hovhannisyan, filwaqt li fl-attakk hemm Sargis Metoyan u Momo Yansane. Fl-attakk hemm Henri Avagyan u Stanislav Buchnev.
Min-naħa tagħhom, Marsaxlokk daħlu f’dan l-istaġun b’numru ta’ akkwisti u estensjonijiet importanti biex isaħħu l-iskwadra.
Il-club Malti żied lil Andrea Cassar bħala goalkeeper u lil diversi players bħal midfielder mill-Kamerun, Joseph Minala, u d-difensur Ukren, Oleksiy Bykov, filwaqt li żamm elementi importanti bħal Isaac Christie-Davies, Rasmus Linden, Domantas Simkus u Redon Mihana. Dawn il-players mistennija jkunu l-pern fl-istruttura tat-team.
Il-previżjoni għal din il- partita tindika konfront diffiċli għal Marsaxlokk. Pyunik għandhom aktar esperjenza Ewropea u ritmu internazzjonali, iżda t-team Malti għandu vantaġġ li se jilgħab l-ewwel leg f’Malta u għaldaqstant irid japprofitta biex jikseb rebħa u jkompli jibni fuqha.









