Sentenza sospiża għal anzjan li nstab ħati b’atti sesswali fuq tfajla

0
1

Anzjan ta’ 70 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal 3 snin wara li nstab ħati li wettaq atti sesswali quddiem tfajla li meta seħħ il-każ kellha 17-il sena. Dan il-każ kien seħħ f’garaxx fil-Furjana fejn talabha biex tmur tgħinu.

Ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Daryl Borg li wettaq dan ir-reat fis-17 ta’ Settembru 2018 f’garaxx li jinsab fi Triq Sant’Anna. Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li l-każ beda jiġi investigat mill-pulizija wara li t-tfajla kienet għamlet rapport fl-għassa tal-Belt fejn kienet allegat li kif kienet għaddejja mit-triq talabha tgħinu fil-garaxx għax kien weġġa’ saqajh.

Fil-Qorti spjegat kif kienet tafu għax meta kienet żgħira tiftakar li ommha kienet issewwi l-karozza għandu waqt li ddeskrivietu bħala ħabib tal-familja tant li kienet issejjaħlu “Uncle”. Il-vittma kienet xehdet quddiem il-Qorti li kif kienet fil-garaxx kien talabha titla’ fuq sellum biex iġġiblu xi ħaġa f’ħin minnhom ratu jimmasturba waqt li żiedet li beda jmissilha saqajha peress li kienet liebsa shorts u anke l-warrani.

It-tfajla kompliet tixhed li telqet tiġri ‘l barra u bil-paniku waqgħet mal-art mbagħad marret tgħid lil ommha fejn ċemplu l-179, marru l-poliklinika u aktar tard ittieħed l-Isptar Monte Karmeli għal lejl. Fix-xhieda qalet li kienet marret tagħmel rapport lill-Pulizija l-għada li kien seħħ il-każ għax kienet ħasbet li se jiġi xi ħaġa lill-familja għax l-imputat kien jaf ħafna nies waqt li spjegat kif kienet qed issofri minn Post Traumatic Stress Disorder u kienet tibża’ minn irġiel anzjani.

Il-Maġistrat Astrid May Grima rreferiet għall-istqarrija li l-akkużat kien ta lill-Pulizija fejn ikkonferma li talabha tmur tgħinu fil-garaxx imma ċaħad li wettaq atti sesswali u ddeskriviet ix-xhieda tat-tfajla bħala konsistenti.
Il-Qorti sabet lir-raġel ħati u minbarra s-sentejn ħabs sospiżi għal 3 snin rabtitu b’garanzija personali ta’ €2,000 biex għal żmien sena ma jdejjaqx lit-tfajla u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipproteġi lit-tfajla.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here