Conference League: Diffiċli għal Hamrun Spartans kontra NSI Runavik ta’ Faroe Islands

0
3
FIle Photo: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans jibdew l-istaġun tagħhom fil-kompetizzjonijet Ewropej meta jilagħbu barra minn xtutna kontra NSI Runavik.

Huma jinżlu għal dan il- konfront b’attitudni pożittiva u skwadra kważi rinnovata, hekk kif komplew isaħħu l-grupp ta’ players b’numru ta’ akkwisti u estensjonijiet importanti.

Qabel il-konfront kontra NSI Runavik fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, it-team Malti wera wkoll sinjal ċar ta’ saħħa meta għeleb lil Floriana 3-1 f’partita ta’ ħbiberija li serviet bħala test ideali qabel il-kompetizzjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat kontra rivali tradizzjonali domestiċi jagħti spinta morali importanti lill- Ħamruniżi, li jidħlu f’dan il-perjodu b’aspirazzjonijiet ċari li jerġgħu jagħmlu progress fl-Ewropa.

Il-konfront kontra NSI Runavik mhux se jkun wie­ħed faċli, iżda l-Ispartans għand­hom kemm l-esperjenza kif ukoll il-kwalità biex jaffrontaw sfida bħal din b’kunfidenza.

NSI Runavik huma club storiku fil-Faroe Islands fejn twaqqfu fl-1957 u għandhom reputazzjoni bħala team organizzat u kompetittiv.

Minkejja li ġejjin minn kampjonat iżgħar, huma għand­hom esperjenza konsistenti fl-Ewropa u  jinsabu f’forma tajba ħafna fil-kampjonat domestiku tagħhom u bħalissa qed jiksbu riżultati pożittivi.

Din il-kombinazzjoni tagħmilhom avversarji perikolużi, speċjalment f’logħbiet ta’ kwalifikazzjoni fejn id-dettalji huma kruċjali.

Għal Hamrun, il-preparazzjoni kienet intensa kemm fil-ground kif ukoll fis-suq tat-trasferimenti.

Il-club żamm numru ta’ players ewlenin bħal Ogyen Bjelicic, Eder, Kleri Serber, Damir Ceter, Celio u Vincenzo Polito, li kollha komplew bil-kuntratt tagħhom u jipprovdu kontinwità importanti.

Fl-istess waqt, ir-ritorn ta’ Ante Coric iżid kreattività u esperjenza fil-midfield, filwaqt li akkwisti ġodda bħal  Jake Grech (mingħand Floriana), in-Niġerjan Jack Ipalibo, il-Brażiljan, Lucas Villela (eks Hibernians), in-Norveġiż Tobias Bjornstad, il-Kongoliż Messie Biatoumoussoka u l-Liberjan, Emmanuel Ernest, jagħtu dimensjoni ġdida lill-iskwadra.

Din il-mixja ta’ kontinwità u suq ta’ trasferimenti li kien ferm attiv jagħmlu lil Hamrun team aktar bilanċjat u b’għażliet akbar f’kull dipartiment. Fil-fatt fl-attakk, l-impatt ta’ Villela u Ernest jista’ jkun kruċjali f’logħbiet fejn l-opportunitajiet jistgħu jku­nu limitati.

Il-partita kontra NSI Runavik mistennija tkun waħda tattika u intensa. It-team minn Faroe Islands għandu ritmu kompetittiv minħabba li jinsabu f’nofs l-istaġun, u dan jista’ jagħtihom vantaġġ fiżiku.

Bħalissa huma jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat f’pajjiżhom u għadhom ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals fil-logħba li lagħbu kontra KI.

Madankollu, l-Ispartans għandhom esperjenza Ewropea aktar riċenti u fond fl-iskwadra li jista’ jagħmel id-differenza fuq żewġ legs.

Min-naħa tagħhom, il-partitarji Ħamruniżi qed jittamaw f’ripetizzjoni ta’ dak li ġara fl-istaġun li għadda meta t-team tagħhom ikkompeta għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu fil-Fażi tal-Gruppi tal- UEFA Conference League.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here