Jirritorna l-Festival tal-Ikel fix-Xewkija li se jgħaqqad l-ikel, id-divertiment u l-kultura f’atmosfera unika tas-sajf Għawdxi

0
1

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li wara s-suċċess kbir tal-edizzjonijiet preċedenti, il-Festival tal-Ikel f’Għawdex se jirritorna fil-qalba tal-Pjazza tax-Xewkija nhar il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta’ Lulju 2026, mis-6:00pm ’il quddiem. Dawn iż-żewġ serati se jgħaqqdu l-aqwa ikel minn madwar id-dinja, divertiment u inizjattivi kulturali f’atmosfera unika tas-sajf Għawdxi.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “l-Festival tal-Ikel f’Għawdex sar wieħed mill-avvenimenti li jżewqu s-sajf Għawdxi u jkomplu juru l-potenzjal kbir tal-gżira tagħna bħala destinazzjoni ta’ kwalità għall-viżitaturi u l-familji Maltin u Għawdxin. Din is-sena qed nagħtu dimensjoni ġdida lill-festival billi ngħaqqdu l-gastronomija ma’ divertiment, kultura u esperjenzi innovattivi li joffru xi ħaġa għal kulħadd.” Huwa kompla jgħid li l-Ministeru għal Għawdex jibqa’ kommess li jappoġġja inizjattivi li jagħtu ħajja lill-komunitajiet tagħna, jippromwovu t-talent lokali u joħolqu aktar opportunitajiet fil-gżira Għawdxija.

Il-festival se joffri aktar minn 100 għażla differenti ta’ ikel, li jinkludu kċina tradizzjonali Maltija u Għawdxija kif ukoll speċjalitajiet internazzjonali minn diversi pajjiżi madwar id-dinja. Dan kollu se jkun akkumpanjat minn għażla ta’ nbejjed, birer u xorb artiġjanali ieħor, sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu esperjenza kulinarja sħiħa. Minbarra l-ikel, il-festival joffri programm varjat ta’ divertiment għal kulħadd, b’mużika live minn artisti lokali, żona dedikata għat-tfal u atmosfera li tagħti ħajja lill-pjazza ewlenija tax-Xewkija. Għad-dilettanti tal-futbol, ser ikun hemm skrin kbir li fuqu se jixxandru direttament is-semifinali tat-Tazza tad-Dinja 2026.

Bħala parti mill-esperjenza kulturali, ħdejn il-knisja ser jittella’ spettaklu immersiv li jfakkar l-475 anniversarju mill-Assedju u l-Invażjoni ta’ Għawdex tal-1551, fejn l-istorja se tingħaqad mat-teknoloġija moderna biex toffri esperjenza viżiva moderna.

Min-naħa tagħha s-Sindku tax-Xewkija Simona Refalo qalet li “kburin li għal sena oħra l-Festival tal-Ikel f’Għawdex ser isir fix-Xewkija, u l-Kunsill qiegħed jaħdem f’dan l-avveniment bħala wieħed mill-imsieħba ewlenin. Din hija opportunità oħra sabiex il-komunità tax-Xewkija tgawdi mill-popolarità ta’ dan l-avveniment, filwaqt li nilqgħu fostna mijiet ta’ Għawdxin, Maltin u turisti dan it-tmiem il-ġimgħa.”

Il-Festival tal-Ikel f’Għawdex qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija u numru ta’ msieħba oħra, bil-għan li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni ewlenija għall-avvenimenti kulturali u gastronomiċi fis-sajf. Sabiex il-pubbliku jkun jista’ jattendi b’aktar faċilità, Malta Public Transport se topera servizz regolari bejn l-Imġarr u x-Xewkija matul iż-żewġ serati.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Festival tal-Ikel huwa eżempju ċar ta’ kif wieħed jista’ jkompli jibni fuq it-tradizzjonijiet filwaqt li jħares lejn ideat ġodda li jsaħħu l-esperjenza ta’ min iżur Għawdex.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here