Friday, May 3, 2024

Conte mar l-Italja hekk kif qed jistenna l-verdett tal-futur tiegħu

Aqra wkoll

Antonio Conte intlemaħ jirritorna l-Italja nhar it-Tnejn u rapporti fl-Ingilterra jissuġġerixxu li l-coach Taljan se jitkeċċa minn Tottenham din il-ġimgħa.

Il-kuntratt ta’ Conte fit-Tramuntana ta’ Londra jiskadi f’Ġunju li ġej, iżda l-aħħar rapporti mill-Ingilterra jissuġġerixxu li l-eks midfielder tal-Italja mhux se jdum għal żmien twil fit-Tottenham Hotspur Stadium.

Skond ġurnal influwenti Ingliż, Spurs huma “mistennija li jaqblu mat-tluq ta’ Conte din il-ġimgħa.”

Il-ġurnalist tal-ġurnal jikkonferma li Conte rritorna fl-Italja. Il-manager ta’ 53 sena ntlemaħ fuq titjira tar-Ryanair sejra lura lejn il-Peninsola nhar it-Tnejn bil-filmat isir virali fuq il-midja soċjali.

Conte ta tort lill-players tiegħu u lill-club wara d-draw ta’ 3-3 kontra Southampton nhar is-Sibt li għadda meta t-team tiegħu kien minn fuq 3-1.

“Naħseb li aħjar nidħlu fil-problema, m’aħniex team. Aħna 11-il player li nidħlu fil-ground. Nara players egoistiċi, players li ma jridux jgħinu lil xulxin u ma jpoġġux qalbhom,” huwa qal.

“Ma jilagħbux għal xi ħaġa importanti. Ma jridux jilagħbu taħt pressjoni, ma jridux jilagħbu taħt stress. Huwa faċli b’dan il-mod. L-istorja ta’ Tottenham hija din għal 20 sena. Hemm is-sid, iżda qatt ma rebħu xi ħaġa. Għaliex?”

Conte ġie maħtur minn Spurs f’Novembru 2021 u wassal lit-team għall-aqwa erbgħa fl-istaġun li għadda.

Huwa rebaħ 41 mis-76 logħba tiegħu fit-tmexxija tat-team tal-Premier League u d-draw barra minn darhom tas-Sibt li għadda jħallihom ir-raba’ fil-klassifika. Iżda bi Newcastle żewġ punti u Liverpool seba’ punti taħthom meta t-tnejn lagħbu żewġ logħbiet inqas minnhom, huma jistgħu jsibu ruħhom fis-sitt post tal-klassifika.

Sport