Corinthia Group, kompla jkabbar u jespandi n-negozju u l-investiment tiegħu fil-kullana ta’ lukandi lussużi u ultra-lussużi ’l barra minn xtutna. Ilbieraħ tħabbar il-ftuħ ta’ lukanda oħra ta’ dan il-livell fil-kapitali tar-Rumanija, Buchrest.
Il-Corinthia Grand Hotel du Boulevard Bucharest, lukanda ta’ 5 stilel, li tinsab fl-intersezzjoni prestiġjuża ta’ Calea Victoriei u Elisabeta Boulevard, ġiet aġġustata għall-ogħla standards mis-sidien Rumeni tagħha, NIRO Investment Group.
Il-ftuħ ta’ Corinthia Bucharest jimmarka wkoll il-ftuh tat-tielet lukanda lussuża f’erba’ xhur flimkien ma’ The Surrey, f’Upper East Side ta’ New York, u l-Corinthia Grand Hotel Astoria fi Brussell.
L-involviment ta’ Corinthia fil-proġett ġie mmaniġġjat minn QP, il-kumpanija ewlenija tad-disinn, inġinerija u ġestjoni tal-proġetti tal-Grupp, u issa, minn Corinthia Hotels Limited, li se topera l-lukanda f’isem is-sidien tagħha.
Il-lukanda l-ġdida, bi 30 suite esklussivi toffri atmosfera intima u residenzjali f’ambjent li tiżgura li kull mistieden jesperjenza l-ogħla livell ta ‘servizz personalizzat.
Il-lukanda tinkludi wkoll Corinthia Spa, li toffri santwarju esklussiv għar-restawr tal-bilanċ u l-vitalità, ġinnasju mgħammar b’mod sħiħ, u żewġ kmamar tat-trattament privati.
Il-Grupp Corinthia reċentement ħabbar ukoll pjanijiet biex jopera proġett ta’ lukanda u residenzi monumentali ta’ 102 sulari li qed jiġi żviluppat fil-qalba ta’ Dubai, filwaqt li bis-sħubija riċenti tiegħu ma’ Action Real Estate Company tal-Kuwajt akkwista żewġ lukandi boutique f’post ewlieni f’Beverly Hills, California.